Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘Rebħa għar-Russi għandha tfisser katastrofi għad-dinja’

L-eks President tal-Ukrajna, Viktor Yuschchenko qal li d-dinja se tiffaċċja katastrofi fil-każ li tirnexxi l-invażjoni tal-artijiet Ukreni mir-Russi — u f’każ li Vladimir Putin ikompli bħala President tar-Russja fix-xhur u snin li ġejjin.

Yushchenko, li mexxa lill-Ukrajna mill-2005 sal-2010, jista’ jara biss żewġ possibiltajiet għall-konflitt attwali f’pajjiżu.

‘Hemm il-potenzjal li l-Ukrajna tkeċċi l-aħħar suldat Russu minn artha u li jitqies bħala rebħa parzjali fi gwerra li ħadd ma ried ħlief il-President Putin’, tenna Yushchenko.

L-eks President Ukren qal li hemm ukoll possibbiltà ‘teoretika’ li l-gwerra tintemm ‘ladarba jmut l-aħħar eroj Ukren’.

Hu sostna  li r-Russja mgħandhiex teħlisha mill-katastrofi f’każ ta’ rebħa għal Putin ‘għaliex ikollha teżisti f’kundizzjonijiet ta’ skjavtu u bħala strument fl-idejn ta’ dittatur’.