L-Armata tar-Russja bdiet is-sittax-il jum tal-offensiva fuq l-Ukrajna b’sensiela ta’ attakki fuq l-ibliet ta’ Lutsk, Ivano-Frankivsk u Dnipro. Intant, il-belt ta’ Dnipro qed tispiċċa għall-ewwel darba mira mindu t-truppi tal-President Russu Vladimir Putin daħlu f’dan il-pajjiż fl-24 ta’ Frar.
L-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi qed tidher li dieħla f’fażi ġdida jerġa’ aktar intensiva. Dan wara li l-aħħar taħditiet għall-paċi li saru fit-Turkija bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tar-Russja u l-Ukrajna ma rriżultawx fi żblokk pożittiv. L-aħħar rapporti qalu wkoll li mietu numru mhux determinat ta’ ċivili waqt l-azzjonijiet tar-Russi kontra Lutsk u Ivano-Frankivsk.
Fl-istess ħin, uffiċjali tad-difiża Amerikani qalu li l-qawwiet Russi, fl-aħħar sigħat, resqu ftit kilometri eqreb ta’ Kiev. Dan fost indikazzjonijiet li l-‘battalja kbira’ għall-kontroll tal-kapitali Ukrena għandha sseħħ minn ħin għall-ieħor u meta t-truppi u t-tankijiet ta’ Putin waslu sa hemmhekk wara ħafna intoppi.
Hu minnu wkoll li l-President tar-Russja – li jinsab urtat dwar it-telf sostanzjali ta’ tankijiet u suldati waqt l-invażjoni – appoġġja pjani tal-Kremlin biex jintbagħtu l-ġellieda voluntiera ħalli jgħinu lit-truppi Russi waqt l-invażjoni.
Dan ukoll wara li l-qawwiet miċ-Ċeċenja – alleati ta’ Putin u li jinsabu fl-Ukrajna biex joqtlu lill-uffiċjali ewlenin tal-Gvern Ukren – ukoll tilfu ammont ‘allarmanti ‘ ta’ ġellieda waqt il-konflitt.
//= $special ?>

