Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrana: Zelensky jiċħad li l-Ukrajna qed tiżviluppa l-armi nukleari

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, waqt diskors bil-video, ċaħad kategorikament l-akkużi tar-Russja fis-sens li l-Gvern fi Kiev qed jiżviluppa l-armi kimiċi. Sadanittant, l-Istati Uniti fissret l-akkużi ta’ Moska bħala ‘redikoli’ u ‘kliem li ma jagħmilx sens fiċ-ċirkustanzi’.

Madankollu, l-akkużi tar-Russi xorta jistgħu għandhom skop malinn warajhom. Dan meta l-Amerikani ma jeskludux li d-diskors minn Moska kapaċi jkun intiż ‘biex jiġġustifika l-użu potenzjali, ‘il quddiem, ta’ armi kimiċi fuq l-Ukreni bħala dimensjoni ġdida – u inaċċettabbli – tal-invażjoni.’

Min-naħa tiegħu, Volodymyr Zelensky fisser bħala ‘gidba faħxija’ l-kummenti tal-Kremlin li l-Ukrajna qed tiżviluppa l-armi għall-qerda tal-massa. Fl-istess ħin, hu wissa li r-Russja ‘se tispiċċa tbati l-konsegwenzi’ f’sitwazzjoni fejn tuża dawn it-tipi ta’ armi fuq il-poplu Ukren.

In-Nazzjonijiet Uniti issa qed tħejji laqgħa ta’ emerġenza – fuq it-talba tar-Russja – biex tiddiskuti l-allegazzjonijiet partikulari minn Moska u meta r-Russi fl-ebda ħin ma ssostanzjaw l-akkużi bil-provi.