“Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jara li l-ambjent ikun prijorità.” Dan kien il-mesaġġ tal-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista li se jikkontest għall-Elezzjoni Ġenerali fuq ir-4 Distrett f’Attività Politika f’Ħal Tarxien.
Il-Kandidat Jason Azzopardi qal kif ilbieraħ fid-dibattitu li sar fl-Università ta’ Malta ħarġet id-differenza bejn Bernard Grech u Robert Abela, hekk kif Bernard Grech kien l-aktar persuna li kkonvinċa. Dan għaliex hekk kif Robert Abela jkun taħt pressjoni jibża’ u jaħrab minn kull domanda. Azzopardi semma kif il-PN se jkun qed jara li l-ambjent ikun prijorità, dan wara dak li seħħ illum f’Ta’ Sannat Għawdex. Jason Azzopardi fakkar ukoll kif ftit xhur wara li l-Gvern Laburista għamel il-pjazza ta’ Raħal Ġdid, din se tkun qed terġa tinqala’ u dan juri biċ-ċar kif il-Partit Laburista m’huwiex kredibbli dwar l-ambjent.
Ivan Bartolo tkellem dwar il-problema tal-faqar hekk kif din qed tkompli tiżdied f’pajjiżna. Bartolo qal li f’pajjiżna hawn min bħalissa qed jgħix b’€400 fix-xahar. Gvern Laburista wiegħed ġenna tal-art iżda lil dawn il-familji tefagħhom fl-infern. Ivan Bartolo qal kif din is-sitwazzjoni nistgħu nibdluha jekk fis-26 ta’ Marzu l-poplu Malti jagħżel lill-Partit Nazzjonalista. Hu qal kif din il-ġimgħa mar għand familja li qalulu kif fi żmien il-PN fil-Gvern kien ikollhom inqas paga u jaħdmu inqas iżda kien jirnexxielhom ifaddlu, illum taħt Gvern Laburista, qed jaħdmu aktar, ikollhom aktar flus iżda mhux iwasslu sal-aħħar tax-xahar.
Il-Kandidata Bernice Bonello qalet kif fil-kamra tal-vot wieħed se jkun qed jagħżel id-destin ta’ pajjiżu. Bonello qalet li wieħed għandu għażla bejn Partit li ħamrilna wiċċna u bejn Partit imexxi minn Bernard Grech li jagħti lura r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Bernice Bonello qalet kif f’laqgħa li kellha ma żagħżugħa fejn spejgatilha kif il-PN huwa l-Partit taż-żgħażagħ li dejjem ra li kulħadd ikollu l-opportunità biex ikompli jikber. Bonello temmet tgħid li setgħet tagħmel dan għaliex il-Partit Nazzjonalista għandu Programm Elettorali għaliex kien preparat.
Doris Borg, ukoll kandidata fuq ir-4 distrett tkellemt dwar il-problemi li l-familji u l-anzjani qed jaffaċċjaw ta’ kuljum. Borg indirizzat il-problema tal-għoli tal-ħajja li qed taffetwa liż-żgħażagħ milli jmorru jgħixu għal rashom. Doris Borg qalet kif l-anzjani m’humiex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar bil-pensjoni tagħhom. Hi ħeġġet lill-poplu Malti u Għawdxi biex jiddeċiedi b’għaqal dwar il-futur tiegħu u jagħżel lill-Partit Nazzjonalista għaliex huwa l-uniku partit li ħadem bis-sħiħ għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Stefan Caruana stqarr li f’din l-esperjenza ltaqa’ ma’ ħafna żgħażagħ li ta’ kuljum qed jirringrazzjaw lill-Partit Nazzjonalista tal-proposti li qed jagħmel. Caruana semma kif il-PN qed jara li ż-żgħażagħ ikomplu jedukaw ruħhom filwaqt li jkomplu jkun imħares l-aspett uman. Stefan Caruana qal kif il-PN għandu viżjoni fit-tul li permezz ta’ Programm Elettorali ibbażat fuq il-bżonnijiet tan-nies ħareġ aktar minn 500 proposta u li lkoll flimkien il-Partit Nazzjonalista huwa lest li jagħmel id-differenza fil-ħames snin li ġejjin.
Il-Kandidat Carm Mifsud Bonnici fakkar dak li qed iseħħ fl-Ukrajna u stqarr li hemm bżonn li jkun hemm ħidma internazzjonali biex dan il-kunflitt ikun solvut. Mifsud Bonnici fakkar fil-proposta li qed jagħmel il-Kap tal-PN ,dik li għal ġurnata titwaqqaf il-kampanja elettorali u ssir miexja b’solidarjetà mal-poplu Ukren, liema proposta ġiet injorata minn Robert Abela. Carm Mifsud Bonnici qal kif il-PN huwa l-partit tas-sewwa, tal-ħaddiem u tal-ġustizzja soċjali filwaqt li sellem lil numru ta’ deputati li fil-passat kienu eletti mir-4 distrett f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Mark Anthony Sammut, tkellem dwar kif qed jiltaqa’ ma numru ta’ persuni li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar żewġ elezzjonijiet u li qed jgħidulu kif il-pajjiż ma jistax jibqa’ sejjer fit-triq li qabad taħt Gvern Laburista. Sammut qal kif hawn numru ta’ persuni li qed jibżgħu juru li jidhru mal-PN għaliex il-Partit Laburista jasal biex ipattielhom. Mark Anthony Sammut appella lil dawn in-nies biex jagħmlu kuraġġ u fis-26 ta’ Marzu jivvutaw lill-PN għaliex il-PN se jkun qed jara li kulħadd jieħu dak li ħaqqu u se jkun qed jara li kulħadd bil-ħila tiegħu ikun jista’ jasal.
Il-Kandidata fuq ir-4 Distrett Julie Zahra, qalet kif il-Partit Nazzjonalista għandu għal qalbu lill-artisti u l-qasam tal-kultura, għall-kuntrarju tal-Partit Laburista li sa din il-ġimgħa stess kien qed jattakkar lill-artisti. Zahra tkellmet dwar kif fis-26 ta’ Marzu għandna għażla bejn Gvern li kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u Gvern b’diversi proposti u Gvern bi pjan fit-tul. Julie Zahra qalet li l-Partit Nazzjonalista dejjem investa fl-edukazzjoni filwaqt li ħeġġet lill-artisti kollha li għandhom ħolma u li jridu jirnexxu, li l-PN se jkun qed jgħinhom jagħmlu dan.
//= $special ?>