Lokali

Imut il-poeta Mario Azzopardi

Fl-aħħar ħin tħabbret il-mewt ta’ Mario Azzopardi, magħruf minn bosta bħala ‘Il-mulej’. Hu miet waqt li kien residenti f’dar tal-anzjani fil-Mosta fl-età ta’ 77 sena.

Mario Azzopardi jibqa’ magħruf l-aktar għall-kontribut letterarju kbir tiegħu, wirt kbir li se jħalli warajh lil pajjiżu. Mario kiteb ammont kbir ta’ poeżiji bi stili differenti, uħud minnhom ribellużi kontra l-inġustizzji li ltaqa’ magħhom matul ħajtu, partikolarment f’żgħożitu.

Għallem l-arti, id-drama edukattiva u l-letteratura għal bosta snin fl-iskejjel statali u għal xi snin mexxa b’imħabba kbira ċ-Ċentru tad-Drama ta’ Malta. Għallem ukoll l-Istorja tat-Teatru tas-seklu 20 fl-Università ta’ Malta.

Minbarra ammont ta’ kotba li ppubblika, għal snin twal ukoll Mario Azzopardi kkontribwixxa b’diversi kitbiet differenti fil-ġurnali tal-Partit Nazzjonalista Il-Mument u In-Nazzjon. L-ikbar kontribut tiegħu kienu s-supplimenti regolari f’Il-Mument bl-isem ‘Fokus’ u ‘Spektrum’. Fil-ġurnal ta’ kuljum In-Nazzjon spikka l-aktar bir-rubrika ‘Kontrokurrent’ li dehret għal bosta snin b’mod regolari darba f’ġimgħa.

Kitbiet oħrajn tiegħu dehru tista’ tgħid fil-ġurnali kollha lokali u anki barranin.

Mario Azzopardi kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju, li kien twaqqaf fl-1967.