Ambjent Lokali

Ipokresija minn Robert Abela dwar l-ambjent u Għawdex – PN

Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar illum li tagħti permess għal blokka enormi ta’ appartamenti fit-tarf Ta’ Sannat qrib l-irdum, turi l-ipokresija tal-Labour dwar l-ambjent u Għawdex.

Fi stqarrija l-PN qal li wara li Robert Abela mela l-pajjiż bil-billboards u wegħdiet fiergħa dwar il-bżonn ta’ spazji miftuħa, l-Awtoritá tal-Ippjanar marret kontra l-parir tal-NGOs, il-case officer u r-residenti biex tapprova dan il-permess skandaluż.

Robert Abela tilef kull kredibbiltà fuq l-ambjent. Mhux ta’ b’xejn li l-uniku wegħda li ma kkupjax mingħand il-PN hu li jżid 50,000 metru kwadru ta’ art ma’ ODZ u jipproteġi art ODZ b’maġġoranza ta’ 2/3 fil-Parlament.

Dan jikkonferma li wara l-elezzjoni Robert Abela se jġib lura l-proġett tal-marina ta’ Marsaskala, u jerġa’ jagħti art bħal ma kienu għamlu fil-każ taż-Żonqor, bħalma Joseph Muscat ġab lura lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi fl-2017 wara li sostna li tgħallem il-lezzjonijiet tiegħu.