L-ebda nifs għall-Ukreni hekk kif it-truppi ta’ Putin qed jibqgħu jippressaw u joqorbu dejjem aktar lejn il-kapitali Kyiv.
Is-sindku tal-belt qed jiddeskriviha bħala fortizza – b’barrikati, xkejjer tar-ramel u ħafna roadblocks. Is-suldati Ukreni ħaffru wkoll diversi trunċieri fondi biex iżommu lill-għadu Russu ‘l barra minn Kyiv.
Intant fi Dnipro, it-truppi tal-Kremlin komplew bil-bumbardamenti tagħhom qrib kindergarten u fuq zoni residenzjali. Bumbardamenti wkoll fuq ajruporti madwar il-pajjiż, anke f’postijiet lil hinn ferm minn fejn qed javvanzaw it-truppi Russi. Indikazzjoni li Putin qed jagħmel minn kollox biex jipparalizza l-ivvjaġġar bl-ajru minn u lejn l-Ukrajna.
U propju b’rabta ma’ l-aggressjoni fuq art Ukrena, f’Pariġi llum qed jissokta s-summit tal-mexxejja Ewropej li fuq l-aġenda għandu din il-gwerra li issa dieħla fit-tielet ġimgħa tagħha.
F’din il-laqgħa li qed issir fil-palazz ta’ Versailles, is-27 kap ta’ stat xejnu t-tamiet ta’ Zelensky li l-Ukrajna tista’ ssir Membru Stat tal-UE fi żmien qasir, bil-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte, il-Ħamis, jgħid li ma hemm l-ebda fast track għall-isħubija. Madankollu huwa qal li l-priorità għandha tkun fuq kif l-UE tista’ tgħin lil Zelensky u lill-poplu Ukren illum u għada.
Minbarra l-kunflitt fl-Ukrajna u l-implikazzjonijiet kollha tiegħu, dan is-summit se jkun qed jiddiskuti wkoll il-provvista ta’ enerġija fl-Ewropa fil-futur qarib, anke fl-isfond ta kif din il-gwerra qed teffettwa s-suq tal-fuel.
//= $special ?>