Lokali

L-APS Bank iħabbar riżultati tajbin għall-2021, IPO għal ishma ġodda u dħul fl-elenku tal-Borża

Il-Bord tad-Diretturi tal-APS Bank plc ltaqa’ fl-10 ta’ Marzu 2022 u approva r-Rapport Annwali u r-Rapporti Finanzjarji Awditjati għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2021. Il-Grupp APS irreġistra profitt qabel it-taxxa ta’ €24.1 miljun (2020: €15.8 miljun), żieda ta’ 52.5%, waqt li l-Bank għamel profitt rekord qabel it-taxxa ta’ €23.7 miljun (2020: €15.5 miljun).

F’sitwazzjoni makroekonomika li għadha toħloq sfidi għan-negozji u għall-familji, ir-reżiljenza tal-Grupp u s-saħħa tal-mudell kummerċjali tiegħu reġgħu ħarġu sew bid-dieher f’dawn iż-żminijiet bla preċedent. Dawn ir-riżultati nkisbu fl-istess ħin li l-Grupp APS kompla jsostni l-komunità fuq diversi lati, u jassigura li x-xogħol ma jiqafx u jassorbi l-impatt finanzjarju tal-klima ekonomika attwali.