Internazzjonali

Raġel Malti strumentali biex Ukrena u t-tarbija tagħha jinġiebu Malta

Raġel Malti kien strumentali biex omm żagħżugħa Ukrena u t-tarbija tagħha ta’ sitt xhur inġiebu pajjiżna u rnexxielhom jaħarbu mill-kunflitt f’pajjiżhom.

Ir-raġel, li xtaq jibqa’ anonimu, jimpjega mara Ukrena li kellha lil-bintha b’tarbija żgħira tgħix l-Ukrajna.

Fl-ewwel ġimgħat ta’ Frar, l-impjegata tar-raġel kienet inkwetata ferm dwar dak Ii qed jiġri f’pajjiżha, u aktar u aktar dwar bintha, it-tarbija tagħha u r-raġel ta’ bintha, li eventwalent ingħaqad mal-armata Ukrena.

L-omm żgħażugħa ftit tal-ġranet ilu qabdet lit-tarbija tagħha u rħitilha lejn il-fruntiera mal-Polonja biex taħrab mill-pajjiż. Hi xtaqet taqsam il-fruntiera biex tmur toqgħod ma’ ħbieb tagħha Pollakki. Iżda wara sigħat twal fil-kju f’temperatura qalilha taħt iż-żero, it-tarbija bdiet issir blu bil-kesħa, u kien deċiż li jmorru lura lejn ir-raħal fejn kienu jgħixu.

Ir-raħal huwa qrib ferm ta’ bażi militari, bir-sireni jidwu ta’ spiss, u bir-residenti sfurzati jinżlu f’xelters kesħin silġ.

Il-mara spiċċat waħedha mingħajr għajnuna ta’ xejn, b’ommha li kienet Malta tiddispra dejjem aktar.

Kien hawn li r-raġel Malti ddeċieda li jmur l-Ungerija biex jgħinha toħroġ minn pajjiżha mill-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi. Hu saq mas-700km biex wasal mal-fruntiera fejn sab lill-mara u t-tarbija jistennews.

Ir-raġel, li tkellem ma’ Net News, qal li l-poplu Ungeriż qed jgħin ħafna lill-poplu Ukren, billi jħallu prams, pushchairs, ikel, xorb u provvisti mediċi mal-fruntiera.

Madankollu hu jistqarr li emozzjonalment, dawk li qed jaħarbu minn pajjiżhom jinsabu mkissra u minn dan il-lat ftit li xejn jista’ jgħinhom.

Ir-raġel qal li ra rġiel nisa u tfal jibku, imwerwrin, kesħin silġ u pallidi – xeni li stqarr qatt mhu se jinsihom.

Hu apella biex kull min jista’ jgħin, jagħmel dan għaliex dawn huma l-vera refuġjati tal-lum.

It-tarbija li nġiebet Malta grazzi għall-att sabiħ tar-raġel Malti