Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022

“Saħħew pajjiż biex aħna stajna nkunu hawn illum” – Bernard Grech

“L-anzjani għall-qalb il-PN.. Irridu napprezaw li kull ma ksibna huwa grazzi għall-pensjonanti li saħħew pajjiż biex aħna stajna nkunu hawn illum.” – Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-PN meta indirizza attività għall-anjani li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Waqt din l-attività organizzata mill-Assocjazzjoni Pensjonanti Anzjani PN (APAN), Bernard Grech saħaq li l-proposti tal-PN għall-anzjani huma tajbin ħafna għaliex japprezza dak kollu li l-anzjani għamlu għalina.

Hu fakkar kif il-ġenituri tiegħu, li llum huma anzjani, rawmu fih valuri sbieħ tas-sens ta’ sagrifiċċju u ta’ apprezzament… u allura ma jista’ qatt jinsa minn fejn ġie. Il-Kap tal-PN spjega li dan jispiraħ biex ikompli jaħdem biex itejjeb l-qagħda tal-pensjonanti f’pajjiżna għaliex jemmen li hekk jixraqilhom wara dak li għamlu għal pajjiżna.

Meta spjega wħud mill-ħafna proposti tal-PN għall-anzjani, Bernard Grech saħaq li Gvern ġdid immexxi minnu se joħloq u jibnu fond ġdid għall-pensjonanti f’pajjiżna “biex nassiguraw sostenibiltà għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.. mhux biss għall-pensjonanti tal-lum imma anke dawk futuri.”

Bernard Grech wiegħed li l-PN se jindirizza l-għoli tal-ħajja, se jsaħħaħ il-pensjonijiet, se jwaqqaf l-anomaliji u ser jaħseb għal eventwalitajiet tal-futur. Dan filwaqt li l-PN ser jinċentiva lil anzani li jixtiequ jibqgħu jaħdmu anke fl-età tal-pensjoni.

Din l-attività kienet indirizzata wkoll mill-Viċi Kapijiet tal-PN Robert Arrigo u David Agius. Attenda wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino.