Ambjent Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022 Transport

“Se nagħtu soluzzjoni għall-problema tat-traffiku” – Bernard Grech

“Dan hu eżempju ta’ partit ħaj mimli entużjazmu, preparat, u jispjega kuljum fid-dettall programm elettorali li fuqu hija bbażata l-viżjoni tiegħu għal Malta u Għawdex, waqt kampanja elettorali pożittiva. Il-Partit Nazzjonalista kommess li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu anki fejn jidħol l-investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, u impenjati bis-sħiħ li nwettqu fil-prattika l-idea li nħallu warajna Malta ferm aħjar milli sibnieha. Gvern ġdid tal-PN se jagħti soluzzjoni għall-problema tat-traffiku fi żmien 5 snin.” – Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza attività politka taħt it-tinda f’Ħal Tarxien.

Matul id-diskors tiegħu, Bernard Grech saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jintroduċi sistema ta’ Trackless Tram li tagħtina l-istess vantaġġi daqs metrò, imma bi spiża ħafna irħas, inqas inkonvenjent u inqas ħsara lill-ambjent. Dan filwaqt li l-proposta tal-PN titlesta ħafna qabel il-proposta tal-Partit Laburista u tinkludi fiha kważi d-doppju tal-lokalitajiet li inkluda fil-proposta tiegħu l-Labour. Filfatt, Robert Abela qed jagħmel wegħda li titwettaq għoxrin sena oħra filwaqt li Bernard Grech qed jintrabat bi proposta li titwettaq tul leġiżlatura waħda, jiġifieri fi żmien 5 snin.

Taħt it-tinda f’Ħal Tarxien, il-Kap tal-PN spjega kif din is-sistema ta’ trasport tal-massa mingħajr binarji hija waħda tal-aħħar teknoloġija u saħaq li din tgħaddi minn toroq arterjali u distributorji permezz ta’ korsiji reservati. Bernard Grech qal li permezz ta’ użu aħjar u aktar għaqli tal-ispazju tat-toroq, se jiġi żgurat li din is-sistema tkun veloċi u effiċjenti.

Il-Kap tal-PN spjega li biex dan il-pjan jirnexxi, b’mod parallel se tkun implimentata sistema ta’ trasport pubbliku li tuża karozzi tal-linja jew tipi oħra ta’ vetturi biex tiżgura konnessjonijiet akbar bejn żoni residenzjali, ċentri tal-impjiegi, portijiet u ċentri importanti oħra f’kull lokalità madwar Malta.

Kif inhu spjegat tajjeb fil-programm elettorali tal-PN, din is-sistema ta’ trasport tal-massa ser tipprovdi alternattiva raġonevoli, tanġibbli u effettiva għall-vettura privata. Il-wegħda tal-PN hija ċara u Bernard Grech iddikjara li jiżgura li l-implimentazzjoni ta’ din il-proposta tibda ssir fi żmien ftit xhur ta’ Gvern ġdid tal-PN, billi inizzjalment jiġu indirizzati l-prijoritajiet tar-rotot kollha u s-sinjali neċessarji biex progressivament tiġi ntrodotta is-sistema ta’ trackless tram.

Bernard Grech kompla jispjega li kull proposta tal-PN taċċerta’ li jitħares l-ambjent u filfatt filwaqt li din is-sistema tat-trackless tram se żżid il-kapaċità tat-toroq billi aktar nies u servizzi jkunu jistgħu jivjaġġaw b’inqas vetturi, se titjieb il-kwalità tal-arja, il-mobilità u l-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet tagħna. Filfatt, fost il-benefiċċji li għandha din is-sistema hemm li bla dubju hi aktar nadifa, effiċjenti, ekonomika u ma tagħmel ebda storbju.

B’kuntrast għal dan, Bernard Grech fakkar kif it-teknoloġija avvanzat tant li ma nistgħux nistennew 20 sena għal problema li għandna llum u għalhekk is-soluzzjoni tal-Partit Laburista hija tard wisq. “Is-soluzzjonijiet li għandu l-pajjiż, Robert Abela jrid iġibuhom biss billi jkompli jdejjen il-pajjiż”, qal Bernard Grech filwaqt li fakkar li Gvern ġdid tal-PN ser joħloq 10 setturi ekonomiċi ġodda li se jkabbru l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Meta kompla jispjega l-viżjoni tiegħu għat-trasport ta’ pajjiżna, il-Kap tal-PN fakkar kif il-proposta tiegħu se tkun qed tinkludi fiha l-investiment li sar fit-toroq fl-aħħar snin u li iżda pero ma solvewx il-problema tat-traffiku. Dan filwaqt li wiegħed li fejn sar xogħol ħazin, Gvern ġdid tal-PN se jaċċerta li jirranġa dan biex jaċċerta li fost l-oħrajn ma jibqgħux jgħerqu t-toroq ta’ pajjiżna.

Intant, matul l-attività taħt it-tinda f’Ħal Tarxien, Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa l-garanzija għalik speċjalment fejn jidħol l-ambjent għaliex mhux ser ikun qed jagħmel deals minn wara dahar il-poplu.

Il-Kap tal-PN saħaq li hu kien u jibqa’ dejjem kontra l-Marina ta’ Marsaskala u l-iżvilupp fiż-Żonqor li ried jagħmel Robert Abela.

Bernard Grech saħaq li Robert Abela ma tgħallem xejn u hawnhekk semma’ proġett massiċċ f’Ta’ Sannat, Għawdex li se jieħu ħafna raba’. Dwar dan, il-Kap tal-PN għamel mistoqsija diretta lill-Prim Ministru u staqsa jekk Robert Abela fl-aħħar jiem kienx parti minn laqgħa fejn influwenza jew ġie influwenzat biex dan il-permess joħrog.

Il-Kap tal-PN appella lill-ġurnalisti investigattivi biex jinvestigaw dan il-permess filwaqt li fakkar li Gvern ġdid tal-PN se jżid l-art ODZ u mhux jieħu minnha.