Elezzjoni 2022 Lokali

“Viżjoni ġdida għat-trasport u l-mobbiltà f’pajjiżna” – Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonalista kommess li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu anki fejn jidħol l-investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, u impenjati bis-sħiħ li nwettqu fil-prattika l-idea li nħallu warajna Malta ferm aħjar milli sibnieha.”

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-PN Bernard Grech huwa qal li f’pajjiż fejn id-distanzi huma qosra, l-ammont ta’ karozzi ġodda fit-toroq tagħna qed jiżdied kuljum u l-użu tat-trasport pubbliku mhuwiex l-għażla naturali ta’ ħafna, jeħtieġ li naħsbu f’viżjoni ġdida għat-trasport f’Malta.

Gvern ġdid Nazzjonalsista se jfassal u jilleġiżla master plan infrastrutturali tal-iżvilupp li ma jippermetti l-ebda kompromess mas-sostenibbiltà. Dan għandu jkopri l-iżvilupp tan-networks ewlenin li pajjiżna għandu bżonn ħalli jkun kompetittiv, modern u avvanzat.

Huwa qal li tivvjaġġa madwar Malta sar diffiċli wisq għal kull wieħed u waħda minna. Jekk hemm xi ħaġa li għallmuna ċ-ċirkostanzi ibsin tal-pandemija huwa li r-remote working huwa possibbli.

Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jipprovdi qafas ta’ inċentivi għall-impjegati u għal min iħaddem biex jitkattar ir-remote working kif ukoll aktar persuni jmorru lejn il-post tax-xogħol tagħhom bit-trasport pubbliku jew b’vetturi elettriċi.

Dan se jissaħħaħ billi jinbena network ta’ toroq taħt l-art biex tkun indirizzata l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku minn għeruqha filwaqt li jinħolqu aktar spazji pubbliċi u jittejjeb l-aċċess sikur għat-toroq miċ-ċiklisti.

Minbarra li tkun indirizzata l-konġestjoni u jitnaqqsu l-vetturi li jaħdmu bil-fjuwil mit-toroq, Gvern ġdid Nazzjonalsita jrid jappoġġja l-mobbiltà moderna u nadifa billi:

  • Jagħti għotja ta’ €10,000 mifruxa fuq 5 snin biex iħajru aktar familji jeħilsu mill-vettura qadima tagħhom, bil-kundizzjoni li ma jerġgħux jiksbu vettura oħra tul il-perjodu.
  • Jimplimenta programm estensiv ma’ Malta u Għawdex kollha biex naraw li l-vetturi elettriċi jkollhom stazzjonijiet tal-iċċarġjar rapidu f’kull distanza massima ta’ 2km sewqan.
  • Iraħħas b’20% ir-rata tal-elettriku għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi minn 13ċ għal 10ċ5 f’kull ħin tal-ġurnata.

Apparto dan, il-PN qed jipproponu l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ Trackless Tram li tagħtina l-istess vantaġġi daqs metrò, imma bi frazzjoni tal-ispiża u l-inkonvenjent.

Huwa qal li din is-sistema ta’ trasport tal-massa mingħajr binarji hija waħda tal-aħħar teknoloġija. Din tgħaddi minn toroq arterjali u distributorji permezz ta’ korsiji reservati.

Bernard Grech qal li permezz ta’ użu aħjar u aktar għaqli tal-ispazju tat-toroq, se jiġi żgurat li din is-sistema tkun veloċi u effiċjenti. Bħalhekk b’mod parallel se tkun implementata sistema ta’ trasport pubbliku li tuża karozzi tal-linja jew tipi oħra ta’ vetturi biex tiżgura konnessjonijiet akbar bejn żoni residenzjali, ċentri tal-impjiegi, portijiet u ċentri importanti oħra għal ma’ din is-sistema ta’ transitu tal-massa li ssemmiet aktar ‘il fuq. Id-daqs u t-tip ta’ vettura użata għal dawn is-servizzi se jiġu ddeterminati mill-kuntest u l-użu u billi jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-passiġġieri.

Saħaq li s-sistema ta’ trasport tal-massa ser tipprovdi alternattiva raġonevoli, tanġibbli u effettiva għall-vettura privata u fl-istess ħin tiżgura li l-implimentazzjoni ta’ din il-proposta ssir fi żmien ftit xhur billi inizzjalment jiġu indirizzati l-prijoritajiet tar-rotot kollha u s-sinjali neċessarji biex progressivament tiġi ntrodotta is-sistema li qed tiġi proposta.

Ftit tqabbil bejn it-trackless tram u l-metro.

  • Spiża/ nefqa ta’ 2.8 biljun vs 6.2 biljun

Għal kull metru għandna spiża/ nefqa ta’  €16,500 vs €175,000

  • It-trackless tram tkun lesta f’5 snin – 2027

Il-metro jkun lest f’20 sena minn tal-inqas – 2042

  • It-trackless tram tkopri 48 lokalità

Il-metro tkopri biss inqas min-nofs; 21 lokalità

Bernard Grech qal li l-PN se jniedi programm nazzjonali li jimmira lejn l-inċentivar u l-iffaċilitar tal-użu tar-rota bħala mezz regolari ta’ trasport bil-mira li fi żmien ħames snin madwar 10% tal-vjaġġi f’pajjiżna jsiru permezz tar-rota. Dan ser isir bis-saħħa ta’ miżuri ta’ saħħa u sigurta’ għaċ-ċiklisti, tfassil ta’ rottot perpetwi fuq netwerk ta’ toroq li jippermettu l-użu tar-rota, bidliet leġiżlattivi, provvista ta’ infrastruttura pubblika u inċentivar għall-ħaddiema li jagħżlu li jmorru x-xogħol bir-rota.