L-attività poltika li saret f’Għajnsielem kienet indirizzata wkoll mill-Kap tal-PN Bernard Grech.
Dwar is-sitwazzjoni li għaddej minnha l-poplu Ukren, Bernard Grech qal li għandna Prim Ministru li baqa’ ma ddeċidiex dwar il-bejgħ tal-passaporti lir-Russi u spiċċa ddeċidiet għalih l-Unjoni Ewropea. Prim Ministru li baqa’ ma aċċettax it-talba li għamillu għamel Bernard Grech biex jingħaqdu f’daqqa f’mixja ta’ paċi b’solidarjetà mal-poplu Ukren.
Huwa qal li matul il-ġurnata għamel żjara f’Dar tal-Anzjani fejn kellu l-opportunità japprezza il-valuri li taw l-anzjani lis-soċjetà tagħna. Bernard Grech żar ukoll Dar Arka fejn saħaq li Gvern Nazzjonalista se jaħdem sabiex ikun hawn iktar ċentri fil-komunità għall-persuni b’diżabbiltà.
Huwa qal li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar tal-bieraħ li tagħti permess għal blokka enormi ta’ appartamenti fit-tarf Ta’ Sannat qrib l-irdum, turi l-ipokresija tal-Labour dwar l-ambjent u Għawdex. Saħaq li Robert Abela tilef kull kredibbiltà fuq l-ambjent… mhux ta’ b’xejn li l-uniku wegħda li ma kkupjax mingħand il-PN hu li jżid 50,000 metru kwadru ta’ art ma’ ODZ u jipproteġi art ODZ b’maġġoranza ta’ 2/3 fil-Parlament.
Bernard Grech qal li Gvern ġdid tal-PN se jdaħħal sistema fejn l-għalliema, LSEs, pulizija, suldati, u infermiera Għawdxin li jaħdmu Malta jibdew jitħallsu tax-xogħol minn x’ħin jirkbu l-vapur sa x’ħin jinżlu mill-vapur….il-ħin tal-vjaġġ tal-vapur minn u lejn Għawdex u l-vjaġġ miċ-Ċirkewwa u lura jiġi meqjus bħala ħin tax-xogħol u jitħallsu tiegħu
Huwa qal li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jara li jsiru studji biex it-traffiku li jaqsam minn naħa għal oħra tar-Rabat jgħaddi minn taħt l-art.
Bernard Grech qal li meta tagħsar l-manifest elettorali tal-Labour issib wegħdi kkuppjati minn tal-PN, wegħdi ripetuti mill-elezzjoni li għaddiet u li ma twettqux, wegħdi oppressivi u li jiksru l-liġi… irid lill-ħaddiema jingħaqdu fi trade union bifors minkejja sentenzi tal-Qorti Ewropea kontra… u saħansitra wegħda biex tiġi miġġielda l-integrità f’pajjiżna.
Il-Kap tal-PN appella biex fis-26 ta’ Marzu, l-għażla tkun waħda li għada pitgħada nħarsu lura lejha u ngħidu li flimkien biddilna r-rotta ta’ pajjiżna.
//= $special ?>