L-attakkant Portugiż ta’ Manchester United, Cristiano Ronaldo , kien l-eroj indiskutibbli fir-rebħa, 3-2, tar-Red Devils fuq Tottenham Hotspur f’Old Trafford. Din kienet waħda mill-isbaħ logħbiet tal-istaġun, b’Ronado igerbeb lura s-snin b’hat-trick brillanti – u bl-aħħar gowl tiegħu jasal għaxar minuti mit-tmiem, meta l-logħba kienet ibbilanċjata fuq skor ta’ 2-2. Is-serata dehret mill-bidu li kellha tkun memorabbli għal Ronaldo li fetaħ l-iskor fit-12-il minuta b’xutt missila lejn l-angolu tax-xibka u li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Lloris. Imbagħad kien imiss lil Spurs li jġibu d-dro minn penalty ta’ Harry Kane wara li Telles mess il-ballun b’idu (35) fil-kaxxa. Il-ferħ ta’ Tottenham dam eżattament tlett minuti, b’Sancho jgħaddi ballun baxx fil-kaxxa fejn Ronaldo, b’first-timer, kien pront biex jixħet ġewwa għat-tieni darba. Il-logħba, minn dak il-ħin, saret aktar eċċitanti, b’Tottenham jiksbu parità fit-72 minuta meta l-captain ta’ United, Harry Maguire, għeleb lill-gowlkiper de Gea għal awtogol klassiku u wara li prova jinnewtralizza l-kross mix-xellug ta’ Reguilon. Madankollu kien xieraq li l-aħħar kelma tkun ta’ Ronaldo li, fit-80 minuta, daħal għall-korner ta’ Elanga biex jiskorja t-tielet gowl deċiżiv bir-ras….Gowl li bih United qegħdin jokkupaw ir-raba’ post temporanju fil-klassifika u meta huma qed jistennew il-konfront tallum, fl-Emirates, bejn Arsenal (li jinsabu l-ħames b’erba’ logħbiet anqas mir-Red Devils) u Leicester City.
Liverpool komplew bil-forma tajba fil-kampjonat tal-Premier b’rebħa oħra – din id-darba fuq Brighton & Hove Albion fl-Amex Stadium — biex qatgħu il-vantaġġ ta’ Manchester City (il-liders u Champions tal-Ingilterra) għal tlett punti biss.
Din kienet it-tmien rebħa konsekuttiva għar-Reds ta’ Jurgen Klopp, bir-riżultat, 2-0, iżid il-pressjoni fuq is-Citizens li ma joffordjawx li jitlfu l-punti fil-logħba ta’ għada ma’ Crystal Palace f’Londra. Intant, Brighton qed jidhru li tilfu t-triq wara bidu tal-istaġun inkoraġġanti u meta huma sofrew il-ħames telfa fil-league minn daqstant logħbiet. Liverpool kellhom jistennew biss sal-20 minuta biex jiftħu l-iskor meta Luis Diaz ġera għall-pass preċiż ta’ Joel Matip biex jiskorja bir-ras minkejja li ssikkat mill-gowlkiper Robert Sanchez. Fil-fatt Sanchez jista’ iħossu ffortunat li ma ntweriex il-karta l-ħamra wara li baqa’ dieħel fl-attakkant Kolombjan fl-istess azzjoni – b’Diaz jingħata t-trattament qabel seta’ ikompli jilgħab.
Fit-tieni taqsima, Brighton marru qrib id-dro minn Trossard iżda kienu Liverpool li ssiġġillaw il-logħba b’penalty ta’ Mohamed Salah wara l-hands fil-kaxxa ta’ Yves Bissouma. Il-gowl kien l-20 wieħed għall-attakkant Eġizzjan tar-Reds fil-kampjonat minbarra li l-2,000 gowl għal Liverpool fil-Premier League.
It-tamiet ta’ Burnley li jżommu posthom fl-ogħla diviżjoni sofrew daqqa ta’ ħarta kbira b’telfa, 0-2, ma’ Brentford – biż-żewġ gowls jaslu minn Ivan Toney fl-aħħar minuti ta’ konfront missielet. Il-Clarets dehru resqin lejn punt prezzjuż sakemm Christian Eriksen pinġa kross mill-isbaħ lil Toney ( 86) li ma żbaljax bir-ras minn quddiem il-gowlkiper Pope.
Il-gowl ħasad lil Burnley – li qabel kienu laqtu l-mimduda minn Rodriguez — u d-difiża tagħhom inqabdet fuq sieq waħda fil-ħin miżjud meta Nathan Collins waqqa’ lil Toney fil-kaxxa wara kontra-attakk u bir-referi Paul Tierney juri l-ħamra lid-difensur ta-Clarets. Inkariga ruħu mill-penalty Toney li sammar ġewwa għal rebħa prezzjuża li tħalli lill-Bees jittamaw f’salvazzjoni wara l-ewwel staġun storiku fil-Premier League.
PREMIER LEAGUE
Illum: Brighton v Liverpool 0-2, Brentford v Burnley 2-0, Man Utd v Tottenham Għada: Chelsea v Newcastle 3.00pm, Everton v Wolves 3.00pm, Leeds v Norwich 3.00pm, Southampton v Watford 3.00pm, West Ham v Aston Villa 3.00pm, Arsenal v Leicester 5.30pm It-Tnejn C’Palace v Man City 9.00pm
//= $special ?>