Il-gwerra fl-Ukrajna qed tkompli ssir aktar intensiva fost rapporti dwar ġlied qalil bejn il-qawwiet Ukreni u l-Armata tar-Russja fil-limiti tal-kapitali Kiev.
Il-belt kapitali Ukrena ilha fil-mira tal-qawwiet Russi mill-bidu tal-invażjoni, fl-24 ta’ Frar, u l-battalji għall-kontroll tagħha mistennija jsiru aktar ħorox – bir-Russi għadhom jiffaċċjaw sfida serja mit-truppi u l-voluntiera Ukreni li huma determinati biex ma jċedux nitfa art lill-għadu.
Sadanittant, is-servizzi sigrieti Britanniċi qalu li l-parti kbira tal-qawwiet Russi waslu sa 25 kilometru ‘il bogħod miċ-ċentru ta’ Kiev fost it-tħejjijiet għall-‘akbar offensiva s’issa’ fuq il-kapitali Ukrena.
Mhux eskluż, intant, li f’din l-offensiva jieħdu sehem ukoll eluf ta’ ġellieda merċenarji mis-Sirja bħala alleati tal-Armata Russa. Dan wara li l-President Russu Vladimir Putin – ladarba ra li qed jitlef ħafna suldati u tankijiet f’din il-gwerra — sejjaħ biex il-ġellieda barranin jissieħbu mat-truppi tiegħu f’din l-invażjoni.
Ir-Russja, ftit tas-snin ilu, kienet intervjeniet fil-gwerra ċivili tas-Sirja, bil-qawwiet tagħha jsalvaw lill-militar tal-Gvern immexxi mill-President Sirjan Bashar al-Assad minn telfa ċerta. Intant, il-Gvern Sirjan, issa, qed iħeġġeġ biex jitilqu lejn l-Ukrajna aktar ġellieda b’ esperjenza fil-gwerer urbani biex jiġġieldu fuq in-naħa ta’ Putin.
//= $special ?>

