Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Iżrael jiċħad li qatt talab lill-Ukreni biex iċedu

Uffiċjali ta’ Iżrael ċaħdu għal rapporti li pajjiżhom qed jitlob lill-Ukrajna biex ‘iċċedi lid-domandi tar-Russja’ qabel il-gwerra tissarraf f’aktar maqtula.

Dan meta Iżrael qed ikun strumentali fl-isforzi lejn it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna — bil-Prim Ministru Iżraeljan Naftali Bennett jivvjaġġa lejn Moska għal taħditiet wiċċ-imb-wiċċ mal-President Russu Vladimir Putin. Intant, Bennett tkellem ukoll bit-telefon mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.

Issa, uffiċjali fi ħdan il-Parlament Iżraeljan qed jiċħdu kategorikament li Naftali Bennett ipprova jwettaq pressjoni fuq l-Ukrajna ‘ħalli l-pajjiż iċedi lil Putin u jtemm il-gwerra’. L-uffiċjali qalu li Bennett fl-ebda ħin ma prova jipperswadi lil Zelensky b’dan il-mod ‘u lanqas ma għandu l-intenzjoni li jagħmel dan’.

Fl-istess ħin, Iżrael qed jissuġġerixxi biex ir-Russja tevalwa s-sitwazzjonijiet tal-gwerra b’aktar attenzjoni u b’mod xieraq fiċ-ċirkustanzi.