“Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iwaqqaf il-kuntratt tal-isptarijiet ma’ Stewart Healthcare u jagħti lill-Għawdxin sptar ġdid ta’ 400 sodda.” Dan kien fost il-messaġġi li għaddew il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li se jkunu qed jikkontestaw l-Elezzjoni Ġenerali f’Attività Politika li saret f’Għajnsielem.
Il-Kandidat Alex Borg, elenka numru ta’ proposti li l-Partit Nazzjonalista għandu għall-Għawdex. Borg semma kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jibni sptar ġdid ta’ 400 sodda għall-Għawxin u se jkun ukoll qed jagħti l-kura essenzjali tal-kimoterapija f’Għawdex stess.
Fis-settur tal-edukazzjoni l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jibni MCAST ġdid f’Għawdex filwaqt li jimmodernizza l-Kampus tal-Università f’Għawdex. Alex Borg semma kif il-PN se jkun qed jinvesti fl-infrastruttura f’Għawdex u dan se jagħmlu billi jkabbar il-Port tal-Imġarr u jinvesti f’żewġ vapuri ġodda, wieħed għall-merkanzija u wieħed għall-passiġġieri.
Claudette Buttigieg faħħret il-ħidma li qed issir mill-volontiera u l-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista u Media.Link, filwaqt li qalet li minkejja li l-Partit Nazzjonalista m’għandux il-flus li għandu l-Partit Laburista, il-PN għandu l-qalb tal-ħaddiema.
Buttigieg semmiet kif kellmuha numru ta’ raħħala li jinsabu nkwetati minħabba li l-ħażna tal-ġwież qed tonqos, problemi li ma kienux indirizzat mill-Partit Laburista. Claudette Buttigieg qalet li l-Partit Nazzjonalista diġa qed jagħmel differenza f’Għawdex anke mill-Oppożizzjoni u b’hekk ħeġġet lill-Għawdxin biex fis-26 ta’ Marzu jivvutaw lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess attività tkellem ukoll il-kandidat Kevin Cutajar fejn għadda messaġġ ta’ tama u kuraġġ għal dawk li jinsabu nċerti x’se jkunu qed jagħmlu fis-26 ta’ Marzu. Cutajar qal li l-PN se jkun qed itellaq biex jirbaħ u dan urih biċ-ċar mill-bidu tal-Kampanja Elettorali.
Kevin Cutajar sellem il-memorja ta’ Louis Refalo u Frederick Azzopardi, deputati li ħadmu qatigħ għall-Għawdex. Hu faħħar ukoll il-ħidma tal-Kap tal-PN Bernard Grech għaliex ta’ kuljum qed ikompli jikkonvinċi bil-viżjoni tiegħu għall-poplu Malti u Għawdxi.
Joe Ellis, li huwa wkoll kandidat fuq it-13-il distrett qal kifil-PN emmen f’Għawdex fil-passat, għadu jemmen fih u se jibqa’ jemmen fih, u li hu l-uniku partit li jista’ verament jindirizza b’mod speċifiku l-problemi ta’ Għawdex.
Ellis qal li l-ikbar offiża lill-Għawdxin waslet meta l-Partit Laburista fil-Manifest Elettorali tiegħu wegħdhom sptar ġdid ta’ 430 sodda, wara li kien hu stess li ħadilhom l-uniku sptar proposta li kellhom, u wara li kkopja l-proposta tal-Partit Nazzjonalista. Ellis semma’ wkoll il-problemi fl-infrastruttura f’Għawdex u kif ukoll in-numru ta’ toroq li għadhom fi stat diżastruż u proġetti nofs leħja.
Kandidat ieħor li tkellem f’Għajnsielem kien Chris Said li qal li Bernard Grech qed juri bil-provi kemm għandu għal qalbu lil Għawdex. Said semma kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jibni dar tal-anzjani f’kull lokalità f’Għawdex, kif ukoll se jkun qed jara li Għawdex ikollu Kunsill Reġjonali għalih.
Hu qal li l-PN se jkun ukoll qed jindirizza l-qasam edukattiv f’Għawdex u se jkun qed joffri korsijiet b’rabta mal-għaxar setturi ekonomiċi li l-PN se jkun qed jinvesti biljun ewro fihom. Hu temm billi qal li l-PN se jkun qed iħares lil dawk il-ħaddiema li huma mpjegati mal-kuntrattur u se jkun qed jara li dawn ikollhom xogħol fiss u li l-flus li qed jingħataw lill-kuntrattur jerġgħu iorru għand il-ħaddiema.
Il-Kandidata għal Għawdex Josephine Xuereb qalet li f’Għawdex u anke f’Malta hemm żgħażagħ li jridu jitilqu mill-pajjiż għaliex m’humiex isibu opportunitajiet. Tkellmet ukoll dwar kif anjzani Għawdxin qed jingħataw appuntamenti għall-MRI tard bil-lejl u jkollhom jinżlu Malta.
Josephine Xuereb għaddiet messaġġ ta’ kuraġġ u ħeġġet lil kulħadd biex joħroġ jivvota sabiex ikun pajjiżna jerġa jikseb il-libertà tal-espressjoni anke għaliex ħafna nies qed jibżgħu juru l-appoġġ tagħhom lejn il-PN.
//= $special ?>