Lokali

Imut wara li ċeda bih raff u waqa’ għoli ta’ disa’ metri f’Ħal Luqa

Raġel ta’ 56 sena residenti Tas-Sliema tilef ħajtu wara li ċeda bih raff u waqa għoli ta’ madwar disa’ metri fi Triq Ħal Qormi, Ħal Luqa għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ dalgħodu.

Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li r-raġel sofra xi ġrieħi. Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u mill-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei iżda sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana li fetaħ inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.