Numru ta’ għaqdiet ambjentali għall-ħarsien tal-kwalità talħajja tar-residenti kollha tal-Gżejjer Maltin, fosthom BirdLife Malta, ressqu ’l quddiem disa’ Talbiet Ambjentali Ewlenin għall-Elezzjoni Ġenerali 2022. Tnejn minn dawn it-talbiet huma fuq l-oqsma tal-Ħabitati u l-Bijodiversità u ż-Żoni tal-Baħar.
Il-front ta’ eNGOs jemmen bis-sħiħ li fid-dawl tal-fatt li Malta hi pajjiż pjuttost żviluppat kif ukoll hija l-aktar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li għandu bini, jeħtieġ li Malta tibda tindirizza immedjatament ilproblema kbira ta’ telf ta’ ħabitat naturali u, konsegwenza ta’ dan, it-telf talbijodiversità li tgħix fih.
L-għaqda qalet li l-bijodiversità hija kruċjali għall-benesseri tas-soċjetà tagħna u trid tiġi mħarsa b’mod olistiku. Dan filwaqt li l-akbar riżorsa naturali li għandna huma l-ibħra tagħna, iż-żoni marittimi.
Huma talbu li:
• Iwaqqaf immedjatament il-kontinwazzjoni tal-qerda tal-impronta naturali;
• Jelimina lakuni fil-policies tal-ippjanar biex jiżgura li ODZs ma jintmessux;
• Joħloq u jara li jimplimenta l-pjani ta’ ġestjoni tas-siti kollha Natura 2000 fuq l-art u fil-baħar b’attenzjoni partikolari lil Kemmuna;
• Joħloq żoni fejn il-kaċċa ma tkunx permessa f’siti Natura 2000;
• Iwaqqaf id-derogi mid-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar għaliex mhumiex ġustifikati u mhumiex sostenibbli;
• Joħloq Wildlife Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta li jkun responsabbli għar-reati kollha relatati mal-ħabitat fuq l-art u filbaħar u l-bijodiversità, biex jiġu infurzati l-liġijiet li jħarsu n-natura;
• Iħares il-bijodiversità b’mod olistiku, inkluż l-għasafar, taħt awtorità waħda, fi kliem ieħor l-ERA;
• Joħloq aktar riservi naturali fejn il-bijodiversità tingħata prijorità;
• Iwaqqaf kull pjan għar-reklamazzjoni tal-art;
• Jibda kampanja biex jitnaqqsu l-iskart fil-baħar u l-ghost fishing;
• Joħloq irmiġġi eco-friendly;
• Jippjana strateġija nazzjonali b’saħħitha biex jiġu indirizzati speċi aljeni invażivi.
Wieħed irid ifakkar li fost il-proposti tal-Partit Nazzjonalista, wieħed isib li Gvern immexxi minn Bernard Grech se jkun qed joħloq mill-ġdid għadd ta’ spazji miftuħa f’kull lokalità f’Malta. Dan filwaqt li jitħarsu ż-żoni ODZ.
Intant, meta ġew mistoqsija mill-ġurnalisti dwar l-approvazzjoni tal-iżvilupp f’Ta’ Sannat, BirdLife Malta qalet li “l-Awtorità tal-Ippjanar uriet biċ-ċar li ma jimpurtahix minn dak li jridu n-nies iżda qiegħda hemm biss biex taqdi lil dawk il-ftit li jridu jdaħħlu l-flus f’buthom.”
Il-Partit Nazzjonalista qal li din id-deċiżjoni għall-bini ta’ blokka enormi ta’ appartamenti f’tarf l-irdumijiet, turi l-ipokerzija tal-Labour dwar l-ambjent u Għawdex… wara wegħdiet vojta fuq billboards dwar il-bżonn ta’ spazji miftuħa.