Elezzjoni 2022 Lokali

Abela isteriku b’diskors negattiv u tal-passat

Gideb, isteriżmu u biża’ mill-bidla.

Quddiem folla isterika fil-carpark tal-Fosos, il-Mexxej Laburista indirizza r-Rally tat-tielet Ħadd tal-kampanja elettorali b’aktar messaġġi negattivi u attakki kontra l-Partit Nazzjonalista. U dan meta wieħed kien qed jistenna li l-Leader Laburista kien se juża’ l-ħin tiegħu biex jispjega aktar il-wegħdiet li ppreżenta 48 siegħa biss qabel – tliet ġimgħat tard.

Iżda Abela, fid-diskors mimli isteriżmu u narrattiva tal-passat, miktub għalih biex hu kemm jaqrah, pprova jiġbor ġieħ il-Partit tiegħu bl-għażla tal-preżenza ta’ persuni bħall-eks Ministru tas-sebgħinijiet Joe Debono Grech billi qal li din hi għażla bejn il-passat u l-futur.

U dan meta, fit-tnedija – fl-aħħar – tal-Manifest, spikkat il-preżenza tal-eks Ministri Alex Sciberras Trigona, Karmenu Vella, Charles Mangion u Louis Grech.

Madankollu, hu anke kkonferma li din kienet mossa ta’ paniku mill-Partit li jmexxi.

Fid-diskors li qara, il-Mexxej Laburista qal li l-Partit tiegħu qed iwiegħed tnaqqis fit-taxxa, għalkemm naqas milli jgħid li jrid jibgħat lin-negozjanti li jkunu fil-bżonn biex jiddejnu mingħandu stess … kif iddikjara fil-Manifest Elettorali nnifsu.

Fuq kollox, kompla l-attakk ta’ Abela fil-konfront tat-tmexxija ta’ Joseph Muscat, meta qal li din l-għażla hi akbar minn dik li qatt saret s’issa.

Fost aktar attakki u messaġġi negattivi f’diskors twil inqas minn nofsiegħa, il-Leader Laburista tenna li issa jrid itejjeb l-Ambjent … għax qisu nesa li l-Labour għamel disa’ snin fil-Gvern.

U dan meta għat-tielet Rally konsekuttiv reġa’ twarrab għal kollox id-Deputy Leader Chris Fearne, filwaqt li d-Deputy Leader l-iehor Daniel Micallef – għax hu l-magħżul mil-Leader – ingħata spazju jitkellem sa mill-bidu tal-kampanja, fl-ewwel Mass Rally.