Il-Mexxej Laburista Robert Abela kiseb il-villa kbira tiegħu fiż-Żejtun tliet xhur biss wara li din kienet regolarizzata mill-Awtorità tal-Ippjanar u fl-istess żmien li Abela kien il-Konsulent Legali tal-Awtorità.
Il-gazzetta MaltaToday irrapportat li f’April 2017, il-villa kbira kienet iċċertifikata bħala rregolata minn tibdil infrastrutturali illegali … bil-kuntratt ta’ bejgħ għall-valur ta’ €600,000 bejn il-propjetarju u Robert Abela kien iffirmat fl-10 ta’ Lulju tal-istess sena.
Ix-xogħol illegali li sar fil-villa wassal biex id-daqs tal-propjetà kien irdoppjat għal aktar minn 350 metru kwadru meta f’zona barra mill-iżvilupp, il-massimu tad-daqs ma kellux jaqbeż il-200 metru kwadru ta’ art.
Iżda l-Case Officer li ddikjara l-propjetà bħala waħda regolari kkwota fost oħrajn klawsola partikolari dwar propjetajiet li nbnew qabel Ottubru 1994 li setgħu jkunu eżentati jekk l-estensjoni ma taffettwax l-estetika taz-zona u jekk din titqies bħala aċċettabbli fil-kuntest taz-zona.
F’dak iż-żmien, Robert Abela kien qed jitħallas €17,000 fix-xahar mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-konsulenzi legali li kien qed jagħti. Il-kuntratt oriġinali kien ingħatalu fl-aħħar leġislatura ta’ Gvern Nazzjonalista għall-valur ta’ €7,000 fix-xahar, iżda l-ammont kien aktar minn irdoppjat appena tela’ Gvern Laburista fl-2013 … b’Abela jgħid l-ammonti żdiedu daqshekk għax kien jaħdem is-Sibtijiet u l-Ħdud.
Fil-każ tal-villa fiż-Żejtun, ma kienx hemm bżonn l-involviment tal-Uffiċċju Legali. Madankollu, kummentaturi nnotaw kif il-preżenza ta’ Abela fil-kurituri tal-Awtorità setgħet kienet influwenti biex tinstab soluzzjoni għall-irregolaritajiet.
//= $special ?>