Arsenal komplew bil-forma tajba b’rebħa, 2-0, fl-Emirates fuq Leicester City u meta issa huma l-favoriti li jikkwalifikaw għaċ-Champions League qabel Manchester United, West Ham u Tottenham.
Ir-rebħa kienet il-ħames waħda konsekuttiva għall-Gunners li marru fil-vantaġġ wara biss ħdax-il minuta meta Thomas Partey sab ix-xibka bir-ras fuq il-korner ta’ Gabriel Martinelli. Partey, imbagħad laqata il-mimduda – b’Leicester ikunu perikolużi minn Harvey Barnes li kien miċħud darbtejn minn Ramsdale qabel il-mistrieħ. Il-mument deċiżiv wasal fis-56 minuta, meta d-difensur ta’ Leicester, Caglar Soyuncu, uża jdejh biex ibiegħed ballun li kien indirizzat għall-ġewwa (bil-gowlkiper Schmeichel megħlub) u li kien salvat fuq il-linja minn Luke Thomas. Ir-referi, wara konsultazzjoni twila mal-VAR, saffar għall-penalty, b’Alexandre Lacazette jaċċerta l-punti b’xutt qawwi mill-ħdax-il metru li ma ta l-ebda ċans lil Schmeichel.
Everton — wieħed minn sitt klabbs Ingliżi li ma kienu relegati qatt mill-Premier League mindu twaqqaf fl-1992 – jinsabu f’periklu serju li jiksru din is-sekwenza wara li sofrew ir-raba’ telfa konsekuttiva fl-ogħla kampjonat.
It-Toffees – li mill-ġdid iddiżappuntaw kontra l-avversarji tal-ġurnata, Wolves – issa jinsabu r-raba’ mill-aħħar bi 22 punt, l-istess bħal Watford li madankollu lagħbu tliet logħbiet aktar minn Everton u fejn għandhom ukoll differenza ta’ gowls inferjuri. Madankollu, Everton jidhru li ma jistgħux jinqalgħu miċ-ċiklu negattiv mindu Frank Lampard inħatar manager minflok Rafa Benitez. Dan waqt li huma, ilbieraħ, sabu quddiemhom avversarji mill-Midlands li qed iħarsu lejn post fl-Ewropa u li issa qabżu lil Tottenham Hotspur fis-seba’ post tal-Premier Ingliż. L-ewwel taqsima f’Goodison Park ftit ipproduċiet tentattivi fuq iż-żewġ lasti iżda wara l-mistrieħ, Wolves skurjaw il-gowl deċiżiv ta’ dan il-konfront mill-captain, Conor Coady, li għeleb lil Pickford bir-ras (49) fuq il-kross ta’ Ruben Neves. Everton rari heddew il-lasta ta’ Wolves u l-affarijiet komplew jiġuhom ħażin meta d-difensur, Jonjoe Kenny, qala’ żewġ karti sofor fi spazju ta’ tlett minuti u bir-riżultat li t-Toffees kellhom jilgħabu l-aħħar tlettax-il minuta b’raġel anqas.
Chelsea – li jinsabu għaddejjin mill-aktar żmenijiet inċerti fl-istorja tal-klabb – kisbu rebħa drammatika fi Stamford Bridge kontra Newcastle United biex ikkonsolidaw it-tielet post fil-klassifika. Din kienet l-ewwel logħba għall-Blues mindu l-Gvern Britanniku kkonferma s-sanzjonijiet għas-sid tal-klabb, Roman Abramovich, b’reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. F’din is-sitwazzjoni, Chelsea jinsabu anki f’limbu finanzjarju meta effettivament spiċċaw mingħajr proprjetarju minħabba li l-assi ta’ Abramovich, alleat u kollaboratur tal-President Russu Vladimir Putin, spiċċaw iffriżati. Il-logħba, intant, kienet riesqa lejn dro mingħajr gowls meta Kai Havertz ( 88) ikkontrolla l-ballun tajjeb fuq il-pass twil ta’Jorginho u għeleb lill-gowlkiper Dubravka b’xutt fil-baxx. Ir-riżultat kien kiefer ma’ Newcastle wara li, fl-ewwel taqsima, l-istess Havertz spiċċa jagħti daqqa ta’ minkeb lid-difensur Dan Burn waqt dwell għall-ballun u fejn hu rċieva biss karta safra għal fawl li kien jimmerita tkeċċija.
L-attakkant Ukren Andriy Yarmolenko iċċelebra bl-aktar mod emozzjonali wara li fetaħ l-iskor għal West Ham United fir-rebħa, 2-1, għall-Hammers fuq Aston Villa fil-London Stadium. Din kienet l-ewwel dehra għal Yarmolenko fil-grawnd mindu faqqgħet il-gwerra f’pajjiżu, b’dan il-plejer ta’ 32 sena – li daħal bħala sostitut — jirċievi mingħand Benrahma qabel sab ix-xibka ta’ Emiliano Martinez (70) b’konklużjoni perfetta. Tmien minuti mit-tmiem kien imiss lil Pablo Fornals li jirdoppja għall-Hammers fuq assist ieħor ta’ Benrahma, b’Villa ikollhom jikkuntentaw bil-konsolazzjoni ta’ Jacob Ramsey fid-90 minuta.
Leeds United ħadu ftit tan-nifs b’rebħa fuq Norwich City f’Elland Road u għal riżultat li kważi kkundanna lill-Canaries għal staġun ieħor f’The Championship. Il-Yorkshiremen avviċinaw din il-logħba wara sekwenza ta’ riżultati diżastrużi iżda, ilbieraħ, setgħu jiċċelebraw rebħa rari li kienet ukoll l-ewwel waħda taħt il-manager ġdid Jesse Marsch li ħa post Marcelo Bielsa ftit ġimgħat ilu. Leeds skurjaw l-ewwel minn Rodrigo (14) u kienu viċin ta’ aktar gowls minn Raphinha, li laqat il-lasta darbtejn, u Daniel James li falla l-bersall mill-viċin. Intant, il-konfront irriserva tmiem mill-aktar drammatiku, b’Kenny McLean jikseb dro soprendenti għal Norwich fil-91 minuta u b’Leeds iwieġbu fir-raba’ minuta tal-ħin addizzjonali meta s-sostitut Joe Gelhardt, li kien ilu fil-grawnd għal żewġ minuti biss, dawwar il-ballun f’xibka vojta fuq il-pass ta’ Raphinha għat-2-1 finali.
Cucho Hernandez skorja darbtejn f’rebħa importanti għal Watford, 2-1, fuq Southampton –bil-Hornets għadhom jittamaw fis-salvazzjoni wara l-bidu ħażin ħafna għall-istaġun. Is-Saints fetħu tajjeb iżda kienu Watford li żblukkaw ir-riżultat f’St Mary’s Stadium meta Hernandez (14) sab ix-xibka minn angolu diffiċli wara l-iżball ta’ Mohammed Salisu. Il-Kolombjan ta’ 22 sena, imbagħad, skorja t-tieni gowl tal-logħba b’volley (34) fuq il-kross ta’ Kucka – iżda s-Saints wieġbu sekondi qabel il-mistrieħ meta Mohamed Elyounoussi kompla għal ġewwa il-header mill-viċin ta’ Adams.
Fit-tieni taqsima, Southampton ħarġu jfittxu d-dro u fejn fl-aħħar minuta kienu miċħuda minn penalty (wara konsultazzjoni mal-VAR) meta Kabasele deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa.