Elezzjoni 2022 Lokali

Eks kandidata Laburista tgħid li l-Gvern jaħseb biss fil-ħbieb tal-ħbieb

"Il-Partit Laburista sar jistħi jgħid li hu soċjalista. Spiċċa l-pupazz ta' ftit negozjanti u żviluppaturi"

L-eks kandidata Laburista, Rachel Tua, kienet fost l-għexieren ta’ Laburisti li urew l-għadab tagħhom għal dak li kiteb Alfred Sant fuq facebook hekk kif bil-kummenti tagħhom qalu li l-Gvern, permezz tal-Ministri tiegħu, jaħseb biss fil-ħbieb tal-ħbieb.

Tua saħħqet li “l-unika persuna viċin tiegħi huwa l-Mulej, mela xi Ministru! Jidher li qas biss jimpurtahom minn xejn u ħadd! Nies f’pożizzjoni għolja filfatt jibbulijaw lin-nies u jagħmlulhom ħajjithom infern sabiex jaqdu lill-ħbieb tal-ħbieb!”

Ċertu Anthony Pulis wieġeb lill-eks Mexxej Laburista ukoll u qal li “l-Partit Laburista m’għadux Laburista. Jistħi jgħid li soċjalist. Il-kelma soċjalizmu jsemmuha ftit kultant biex jidhru ħelwin imbagħad is-sena kollha jaġixxu ta’ kapitalisti estremi. Ara l-mod kif inhuma ħobża u sikkina mal-ispekultaturi u diġà biżżejjed.”, b’Joe Mallia jispeċifika li l-Partit Laburista spiċċa l-pupazz tal-ispekulaturi.

Is-sentiment ġenerali tal-Laburisti li wieġbu lil Alfred Sant kienet li l-Gvern poġġa nies fis-segretarjati tal-Ministri li ġew jaqgħu u jqumu min-nies, l-aqwa li akkwistaw paga tajba bl-impjieg tagħhom u għalhekk ċerti li l-vot tagħhom mhux se jmur lejn il-Partit Laburista.

“Għażiż Sur Sant, int u Joseph Muscat urejtu u ftaħartu li vot tista’ tarmieħ. Dak li tiżra’ taħsad. Il-problema għal Laburisti, li tant għamluhom wegħdiet lil kullħadd u fuq kollox fl-2013 u 2017, hija li baqgħu bil-lasta ħlief għal ftit ħbieb tal-ħbieb li saru miljunarji. Trid ikollok wiċċhom l-għatba tal-qorti biex tippretendu li l-laburisti ta’ veru jerġa’ jemminkom u jafdakom.”

Michela Mallia fakkret lil Alfred Sant li l-vot tal-Laburist mweġġa’ żgur ma jinġabarx b’diskorsi bħal ta’ Joe Debono Grech, li fih ifaħħar l-istat gravi ta’ korruzzjoni ‘ghax il-pajjiz iggwadanja’ u fakkret li min ħa postu, iggwadanja, b’riferenza għal Joseph Muscat.

“Aħna blajnieh għax il-paga reġgħet bilkemm qed isservina u bil-kickbacks mid-deals korrotti, ħa jiġi żmien fein il-paga terġa’ ma tkunx biżżejjed. No prime minister sells their soul to the devil for the good of the country; we are talking about the most corrupt politicians here, not robin hood.”

Shaun Camilleri saħaq li taħt dan il-Gvern, il-korruzzjoni se tibqa’ tirrenja, għax il-ħuta minn rasha tinten!

“Ftakru x’weghduna! Kontinwazzjoni.”

Intant, anki waħda mis-sidien tal-għelieqi fl-Imrieħel irreaġixxiet għal dak li kiteb l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, b’ Catherine Bonello tgħid li ġejja minn familja Laburista u hi Laburista ta’ vera iżda qalet li r-razza kollha mhix se tivvota lill-Partit Laburista talli jridu jerġgħu joħdulhom l-art fl-Imriehel biex il-Ministru Ian Borg jagħmel flyover.