Elezzjoni 2022 Lokali

ERĠA’ SEGWI: Bernard Grech jindirizza ‘Mass Rally’ fil-Padiljun ta’ Kordin

Attendenza numeruża għall-Mass Rally bi stennija għad-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista
Mass Rally – KORDIN

Mass Rally fil-Padiljun Sportiv f’KordinMiegħek. Għal Malta 🇲🇹

Posted by Partit Nazzjonalista on Sunday, March 13, 2022

18:18 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li huwa ffukkat biex joħloq “il-ġid għalik, għal uliedek, għal pajjiżna, għalik li trid issir ġenitur, taddotta jew tiffosterja. Għall-omm li tinsab imċaħħdha minn uliedha, għall-ġuvintur, ix-xebbiet, għal dawk f’relazzjoni u int li tkun min int sabiex jitħarrsu l-libertajiet fundamentali ta’ kull persuna f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista mhux jitlob il-fiduċja tal-poplu għax għandu xi dritt li jiggverna iżda għaliex huwa lest biex jagħmel il-ġid lill-pajjiżna. Il-ħidma biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna terġa’ tikseb il-ġieħ li jistħoqqilha tibda malli l-poplu jagħti fiduċja lil dan il-manifest elettorali.

Dan nista’ nagħmlu biss jekk int tagħżel Malta fis-26 ta’ Marzu biex miegħek inkun hemm għalik, għal uliedek u għal pajjiżek.”

18:00 – Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista se jkun ta’ sostenn għal dawk l-għaqda kollha soċjali u mużikali li jagħtu sehmhom fil-festi Maltin billi s-servizzi kollha, li jingħataw minn entitajiet minn servizzi governattivi, fosthom permessi, Pulizija, LESA u fire engines fost l-oħrajn. dawn kollha se jingħataw lilhom b’xejn.

L-ispejjeż tal-meters tal-elettriku f’dawn l-attivitajiet kulturali, se jibdew jitħallsu minn Heritage Malta, u se jerġa’ jitwaqqaf il-Kunsill tal-Artiġġjanat.

17:56 – Jekk il-poplu Malti u Għawdxi jagħti fiduċja lill-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech saħaq li se jkun qed iwettaq kull proposta li qed iressaq iżda se jkollu bżonn lil kull Malti u Maltija sabiex dan il-programm elettorali jitwettaq.

17:53 – “Robert Abela f’nifs wieħed jgħidlek li se jagħti prijorità lill-ambjent u f’nifs ieħor joħroġlok permess mostruż u skandaluż f’Ta’ Sannat fuq art ODŻ.” Bernard Grech reġa’ staqsa lill-Prim Ministru x’ingħad fil-laqgħa sigriet ta’ xi jiem ilu, mistoqsija li wisq probabbli li se jibqa’ jaħrab bħalma jaħrab lill-ġurnalisti mill-mistoqsijiet tagħhom.

Fakkar kif il-politika tal-Partit Nazzjonalista hija msawwra fuq il-ġid li jrid għall-poplu Malti u għall-imħabba lejn dawn il-gżejjer Maltin.

17:40 – Bernard Grech fakkar fil-buzzwords tal-Partit Laburista, minn l-aqwa fl-Ewropa, pajjiżna spiċċa fuq il-greylist. Fost il-wegħdi ta’ Robert Abela, l-unika fost dawk li ma kkuppjax, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Laburista jrid jġiegħel lil kull ħaddiem ikun membru ta’ trade union, xhieda ta’ kemm il-Gvern irid jikkontrolla ħajjet in-nies. L-unika mod kif il-poplu Malti jiġġieled din l-oppressjoni billi jsemma’ leħnu fis-26 ta’ Marzu.

17:30 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fetaħ id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil dawk kollha li attendew bi ħġarhom f’għeluq it-tielet ġimgħa tal-kampanja li fiha l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jikkonvinċi lill-Maltin, fosthom liż-żgħażagħ fl-Università, fl-MCAST, fil-Belt Valletta u f’Paceville.

Huwa fakkar fid-dibattitu li kellu ma’ Robert Abela u wieħed malajr intebaħ għalfejn kienu ilu jaħrab milli jiddibatti miegħu għal sena oħra.

17:09 – Dawk preżenti fil-Padiljun ta’ Kordin qegħdin jilqgħu bi ħġarhom b’entużjażmu u ewforija lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, u lill-mara tiegħu, Anne Marie.

17:07 – “Lil dawk li mhumiex ċerti kif se jivvutaw, għandhom għażla ċara bejn partit li niexef mill-ideat u li jiftaħar li jisirqek, u partit li qed joffri viżjoni għal Malta u li se jrodd lura dak li serqek il-Gvern. Għalhekk bl-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdex, il-Partit Nazzjonalista se jġib il-bidla miegħek, għal Malta.” – Michael Piccinino

17:05 – F’din il-ġimgħa, il-Partit Laburista ftaħar li qed jisraq lill-poplu meta qal li pajjiżna ggwadanjajna mill-korruzzjoni u li huwa l-ħalliel it-tajjeb, kompla Michael Piccinino, iżda minflok, il-Partit Nazzjonalista qed iressaq lista ta’ kandidati, immexxija minn Bernard Grech, li ħallew kollox warajhom biex jerġgħu isseddqu s-serjetà fil-politika Maltija u jirrestawraw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Għalhekk huwa d-dmir ta’ kulħadd sabiex iwassal dan il-messaġġ ta’ fejda lill-poplu Malti sabiex Malta jkollha Gvern denju li jixraqlu tant, tenna s-Segretarju Ġenerali.

17:00 – Minkejja li ħareġ il-programm elettorali tiegħu 3 ġimgħat tard, Robert Abela naqas x’ġid ekonomiku ġdid se jwettaq f’pajjiżna biex ikabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna, kompla Michael Piccinino, xhieda ta’ kemm il-Partit Laburista għandu nuqqas ta’ viżjoni għal Malta u Għawdex.

16:58 – Michael Piccinino qal li Robert Abela ma riedx ifittex l-għaqda nazzjonali meta injora kompletament l-id tal-ħbiberija ta’ Bernard Grech meta ppropona Mixja Nazzjonali ta’ Solidarjetà mal-poplu Ukren. Malta jeħtieġ ikollha Prim Ministru sensittiv u li ma joħloqx paniku fil-pajjiż, bħal meta Robert Abela qal li pajjiżna se jaffaċċja kriżi ta’ gas, bl-impurtaturi tal-gass igiddbuh sa siegħa wara. Kellha tkun l-Unjoni Ewropea li tiddeċiedi għal Malta meta waqqfitna milli nbiegħu l-passaporti lill-oligarki Russi għaliex Robert Abela naqas milli jiddeċiedi.

16:54 – Is-Segretarju Ġenerali radd ħajr lil dawk li sfidaw il-maltemp u attendew bi ħġarhom għal dan il-Mass Rally f’raħal twelidu, Raħal il-Ġdid. Huwa sellem lil Sandra Shields, attivitista tal-Partit Nazzjonalista li għaliha, il-Partit u NET Television kienu t-tieni familja tagħha, ħaddiema li kienet leali lejn il-PN bħala mara ta’ prinċipju. Radd ħajr lill-impjegati kollha ta’ Media.Link Communications u tal-PN għall-ħidma kbira f’din il-kampanja elettorali.

16:52 – It-tieni kelliem f’din il-“Mass Rally” huwa s-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino.

16:50 – Fi kriżi li qed jolqot il-kontinent tagħna, Caruana qalet li Robert Abela huwa ddistakkat minn din ir-realtà meta qal li din mhix se taffettwa lill-pajjiżna għax għalih, pajjiżna qiegħed f’bozza u sa fl-aħħar stenbaħ li din il-kriżi tinsab wara biebna. Din hija d-differenza bejnu u bejn Bernard Grech, li qiegħed juri li lest ikun fit-tmun tal-pajjiż f’din il-kriżi għaliex jgħidlek l-affarijiet kif inhuma, flok jixħet kollox taħt it-tapit.

“Il-Prim Ministru huwa komdu jdawwar €28,000 fix-xahar meta hawn żgħażagħ li qajla jdawwru €25,000 fis-sena, li jridu jaqsmuhom bejn loans u spejjeż tal-ħajja biex forsi jkampaw sal-aħħar tax-xahar.”

Martina Caruana saħqet li pajjiżna jixraqlu tmexxija serja li jifhem tajjeb ix-xewqat taż-żgħażagħ u ħadd ma għandu jibża jivvota għall-bidla li tant tixraq lil Malta u Għawdex. “Bernard Grech jinsab miegħek, miegħek għal Malta.”

16:45 – Martina Caruana rringrazzjat lill-PN talli jemmen fiż-żgħażagħ, żgħażagħ li jridu jgħixu f’Malta aħjar għax hekk tassew jixirqilhom. Fakkret kif il-PN ma jibżax mill-ideat ġodda u għalhekk qiegħed jilqa’ fi ħdanu żgħażagħ ġodda sabiex isawwar futur isbaħ għalihom f’pajjiżna stess.

16:40 – L-ewwel indirizz tal-‘Mass Rally’ se jsir miż-żagħżugħa, Martina Caruana, studenta ta’ 17-il sena li taspira karriera fil-qasam mediku.

16:15 – Jispikka l-entużjażmu ta’ dawk preżenti fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin waqt li għaddej spettaklu mużikali mill-band ta’ Mark Spiteri Lucas, segwit minn pre-‘mass rally’ party mmexxi minn Mark Galea Pace u Dylan Brignano bħala preludju għad-diskorsi fil-‘Mass Rally’ tal-Partit Nazzjonalista.

15:55 – Il-Maltin u l-Għawdxin sfidaw il-maltemp biex wieġbu għas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista hekk kif qed jinġabru bi ħġarhom biex jisimgħu l-indirizz tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f'”Mass Rally” fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Segwu dan is-sit għal aktar aġġornamenti dwar din l-attività politika tal-Partit Nazzjonalista, bit-tema “Miegħek, għal Malta”.