Formula 1 Sport

Ġimgħa ‘l bogħod mill-bidu tal-istaġun tal-Formula 1

(Ritratt: EPA)

Ninsabu ġimgħa ‘l bogħod mill-bidu ta’ staġun ieħor tal-Formula 1, bl-ewwel Grand Prix tal-2022 fil-Bahrain, il-Qatar. It-timijiet kollha jinsabu għaddejin bl-aħħar preparamenti u bl-aħħar provi qabel jibda l-istaġun.

Bla dubju, wara t-tmiem mill-aktar drammatiku tal-istaġun li għadda, bosta jinsabu ħerqana biex jaraw r-rivalita’ bejn is-sewwieqa Max Verstappen u Lewis Hamilton, u sintendi bejn it-timijiet rispettivi ta’ Red Bull u Mercedes.

Verstappen se jkun qed jiddefendi l-ewwel titlu tiegħu li rebaħ fl-aħħar dawra tal-aħħar Grand Prix f’Abu Dhabi. Min-naħa l-oħra Hamilton se jkun qed iħares li jirbaħ it-tmien kampjonat tiegħu u jikser ir-rekord ta’ Michael Schumacher, sabiex isir l-aktar sewwieq li rebaħ kampjonati fil-Formula 1.

Madanakollu dan l-istaġun timijiet u sewwieqa oħra se jkunu qed iħarsu li jagħtu sfida denja lill-portagonisti tal-aħħar staġun. Fost dawn Ferrari jidhru li se għandhom karozza li tista’ tikkompeti tajjeb mat-timijiet ta’ RedBull u Mercedes, bis-sewwieqa Charles Leclerc u Carlos Sainz, kull ma’ jmur qed itejjbu l-prestazzjonijiet tagħhom.

Min-naħa l-oħra McLaren komplew fuq it-tajjeb li għamlu l-istaġun li għadda fejn temmew fir-raba’ post fil-klassifika tal-kostrutturi. Is-sewwieq żagħżugħ Brittaniku Lando Norris flimkien mas-sewwieq ta’ esperjenza Daniel Ricciardo kellha prestazzjonijiet tajbin l-istaġun li għadda, fejn se jkunu qed jaspiraw li jtejbu fuq il-wirjiet tagħhom dan l-istaġun.

Fost timijiet li se joffru sfida denja hemm Aston Martin u Alpine Renault bis-sewwieqa Sebastian Vettel, Lance Stroll u Fernando Alonso u Esteban Ocon. Alfa Romeo, Alpha Tauri, Williams u Haas huma l-kumplament tat-timijiet li se jieħdu sehem dan l-istaġun fejn kollha se jkunu qed jaspiraw li jkomplu jikbru u joffru sfida denja lit-timijiet aktar stabbiliti matul l-istaġun 2022.

It-timijiet u s-sewwieqa:

  • Mercedes: Lewis Hamilton u George Russell
  • RedBull: Max Verstappen u Sergio Perez
  • Ferrari: Chalres Leclerc u Carlos Sainz
  • McLaren: Lando Norris u Daniel Ricciardo
  • Aston Martin: Sebastian Vettel u Lance Stroll
  • Haas: Mick Schumacher u Kevin Magnussen
  • Williams: Alex Albon u Nicholas Latifi
  • Alpha Tauri: Yuki Tsunoda u Pieere Gasly
  • Alfa Romeo: Valtteri Bottas u Guanyu Zhou
  • Alpine: Fernando Alonso u Esteban Ocon