Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Attakki indiskriminattivi fost il-miżerja tal-poplu

Il-miżerja għaċ-ċivili Ukreni kompliet fost il-bumbardamenti kontinwi fuq l-ibliet tagħhom. Il-qawwiet ta’ Putin, issa, anki konċentraw l-isparar fuq ferrovija tal-passiġġieri fi triqitha biex tiġbor lir-refuġjati li qed ikunu evakwati mil-Lvant tal-Ukrajna – bil-balal tar-Russi jolqtu wkoll l-ajruport viċin il-belt ta’ Ivan-Frankivsk, lejn il-Punent tal-Ukrajna.

Sadanittant, ir-residenti fil-belt ta’ Mariupol – li ilha talanqas ġimgħa taħt assedju mir-Russi – qed isofru mit-temperaturi ta’ friża mingħajr provvista tad-dawl u meta kważi spiċċawlhom l-ima u l-ikel. L-aħħar rapporti qalu wkoll li l-qawwiet ta’ Moska kienu qed jikkontrollaw diversi bnadi ta’ Mariupol, bix-xita tal-bombi “qed tkompli’ fuq iz-zoni ċivili fejn fadal ir-reżistenza għall-militar tal-Kremlin.

Daħlu anki rapporti li t-truppi Russi, fl-aħħar sigħat, sparaw fuq konvoj ta’ nisa u tfal li kien ħiereġ minn villaġġ viċin Kyiv, fejn mietu talanqas seba – u b’Moska tibqa’ ma tikkummentax dwar l-atroċità.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ikkonferma li mietu madwar 1.300 fil-konflitt mar-Russja li ilu għaddej mill-24 ta’ Frar.