Daħlet l-aħbar li grupp tat-tfal li ħarbu minn Poltava, fiċ-ċentru tal-Ukrajna, waslu fil-Punent tal-pajjiż fejn il-perikolu tal-gwerra hu ħafna anqas. Mifhum li kważi 100 tifel u tifla, flimkien mal-adulti li qed jieħdu ħsiebhom, kienu megħjuna minn organizzazzjoni karitatevoli tar-Renju Unit biex jagħmlu dan il-vjaġġ ‘diffiċli ħafna’ li dam għal 48 siegħa.
Il-grupp kien jinkludi wkoll numru ta’ trabi, b’Ken hart, iċ-chairman tal-entità Epaphras Trust ( li mexxiet l-evakwazzjoni), jirringrazzja lill-attivisti fil-belt ta’ Bristol ( fir-Renju Unit) li — grazzi għall-fondi li ġabru — ippermettew għal din il-missjoni ta’ fejda. Il-fuel li nxtara mill-flus ta’ dawn in-nies għen mhux ftit biex it-tfal jitwasslu fil-postijiet tas-sigurtà b’numru ta’ xarabanks.
Sadanittant, il-Viċi Prim Ministru tal-Ukrajna, Iryna Vereshchuk, qalet li ‘il fuq minn 140,000 ċivili spiċċaw evakwati miz-zoni ta’ konflitt madwar pajjiżha, grazzi għar-rotot umanitarji.
Fl-aħħar sigħat, diversi eluf ta’ nies inħarġu mill-ibliet fir-reġjun ta’ Kiev li qed jisfaw kontinwament ibbumbardjati. Dan ukoll waqt li 5,000 oħra kienu evakwati mir-reġjun ta’ Luhansk, lejn il-lvant tal-Ukrajna.
//= $special ?>

