Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-ġlied javviċina l-Polonja wara attakk tar-Russi fuq bażi militari

Il-gwerra fl-Ukrajna waslet qrib ukoll tal-pajjiżi fil-periferija tat-territorju Ukren, bir-Russi, issa, jisparaw l-għexieren tal-missili lejn bażi għat-taħriġ militari li tinsab qrib ħafna l-fruntiera Ukrena mal-Polonja ( pajjiż membru tan-NATO).

L-Ukrajna qalet li nqatlu talanqas 40, b’150 jindarbu f’dan l-attakk fuq il-bażi ta’ Yavoriv, fir-reġjun ta’ Lviv, lejn il-Punent tal-Ukrajna – biċ-ċifra tal-vittmi kapaċi tiżdied fis-sigħat li jmiss. Il-bażi tkopri zona ta’ xi 400 kilometri kwadri u kapaċi żżomm mal-1,700 persuna – għalkemm mhux magħruf kemm kien hemm nies fiha waqt il-ħin tal-attakk.

Intant, il-bażi ta’ Yavoriv, is-soltu, tintuża għall-eżerċizzji mill-militar tal-Ukrajna  u l-militar tal-pajjiżi sieħba, membri fl-Alleanza tan-NATO. L-eżerċizzji, fil-parti kbira, jinkwadraw fil-programm ‘Partnership for Peace’ intenzjonat biex iżid il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-NATO u l-pajjiżi li mhumiex membri fl-Alleanza.

Il-pożizzjoni ta’ Lviv, fil-punent tal-Ukrajna, tfisser li l-belt ta’ Yavoriv qed isservi bħala hub ewlieni għall-movimenti tal-għajnuna umanitarja u militari lill-Ukreni min-naħa tan-NATO.

Sadanittant, l-isparatura tal-missili – fit-tmintax il-jum tal-gwerra fl-Ukrajna — kapaċi jkollha riperkussjonijiet serji ħafna ‘il hinn mill-pajjiż. Dan meta l-Alleanza tan-NATO qed tanalizza r-reazzjonijiet ‘ideali’ f’każ li xi ħadd fost il-pajjiżi-membri jintlaqat direttament mill-attakki bla heda li l-qawwiet tal-President Russu Vladimir Putin qed jikkonċentraw fuq l-artijiet Ukeni.