Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-Papa Franġisku jappella mill-ġdid ‘biex jieqfu l-massakri’

Il-Papa Franġisku – li ilu l-aħħar jiem jieħu l-inizjattivi biex tieqaf il-gwerra tal-Ukrajna – ħareġ bi stqarrija ta’ kundanna qawwija għall-aggressjoni mir-Russja fuq il-poplu Ukren.

Il-Papa, li fl-aħħar jiem kien involut ukoll fid-diplomazija intiża biex twaqqaf il-ġlied qalil fl-artijiet Ukreni, appella ‘ħalli tinstama’ l-għajta tan-nies li qed ibatu f’din is-sitwazzjoni u biex jieqfu l-bumbardamenti fuq l-Ukrajni’.

L-appell imqanqal sar waqt it-talba tallum mill-Papa fi Pjazza San Pietru ( fil-Vatikan) u fejn hu, fuq kollox, talab ‘biex il-massakri jieqfu’.

Fl-istess ħin, il-Papa enfasizza li ‘il-bumbardamenti tal-isptarijiet tat-tfal u l-miri ċivili (fl-Ukrajna) huma azzjonijiet barbari li ma għandhom l-ebda raġuni strateġika valida, anki minn lat militari’.’