Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Jinqatel ġurnalist Amerikan viċin ta’ Kiev

Il-ġurnalist Amerikan Brent Renaud, spiċċa maqtul fost l-isparar li għaddej bħalissa fil-belt ta’ Irpin, fil-limiti ta’ Kiev.

Renaud spiċċa jaqla’ tiri fatali, bis-sorsi Ukreni jgħidu li ‘il-ġurnalist kien mira speċifika tas-suldati Russi’. Filwaqt li d-dettalji tal-każ kienu xi ftit konfużi ingħad ukoll li żewġ ġurnalisti oħra kellhom jittieħdu lejn l-isptar wara li spiċċaw midruba.

Brent Renaud hu l-ewwel ġurnalista li tilef ħajtu fost il-membri tal-media barranin li qed jirrappurtaw dwar il-gwerra mill-Ukrajna. Intant, in-New York Times ħarġet stqarrija biex issostni li Renaud hu eks impjegat tagħhom u li hu ‘ma kienx qed jirrappreżenta lill-gazzetta fl-Ukrajna’.