“Fis-26 ta’ Marzu għandna għażla ċara, dik bejn partit b’viżjoni ekonomika ċara u dik bejn bejn partit mingħajr viżjoni.” Dan kien il-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino waqt il-Mass Rally tal-PN li kien organizzat il-Ħadd.
Piccinino qal kif l-aħbarijiet bħalissa huma kollha ddominati minn dak li qed iseħħ fl-Ukrajna, fejn saħaq li pajjiżna għandu bżonn Prim Ministru li jkun sensittiv anke f’mumenti diffiċli f’pajjiżi oħra. Michael Piccinino semma d-dibattitu li seħħ fl-Università ta’ Malta nhar il-Ħamis li għadda, fejn stenna bħal bqija tal-poplu Malti li l-Mexxej Laburista Robert Abela jniedi l-pjan u l-viżjoni ekonomika tiegħu għal pajjiżna. Minflok Robert Abela nfexx f’attakki partiġjani.
“Minn naħa tiegħu Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista nedew il-viżjoni ekonomika tagħhom sa mill-ewwel jum tal-Kampanja Elettorali u se jkun qed joħloq numru ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin”, kompla jgħid is-Segertarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Michael Piccinino qal li l-PN mhux biss għandu pjan ekonomiku, iżda għandu wkoll proposti dwar l-ambjent, is-saħħa mentali u anke proposta fuq il-work-life balance.
Fid-diskors tiegħu, Michael Piccinino sellem il-memorja ta’ Sandra Shields, impjegata f’Media.Link u attivista tal-Partit Nazzjonalista li ħalliet din id-dinja aktar kmieni din il-ġimgħa. Hu ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikun ġeneruż mal-Partit Nazzjonalista hekk kif nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu se tkun qed ssir Maratona Ġbir ta’ Fondi.