“Il-Partit Nazzjonalista fassal proposti bla preċedent għall-isports, l-isportivi u l-atleti kollha biex dan is-settur jkun elevat, u ma jibqax jiġi meqjus biss bħala sempliċi passatemp”.
Dan kien il-messaġġ ewlieni f’konferenza tal-aħbarijiet tal-PN il-Ħadd filgħodu indirizzat mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss Graham Bencini u Chris Micallef,
Graham Bencini, li huwa eks futboler, tkellem dwar l-importanza li l-atleti tagħna jingħataw l-għajuna kollha possibbli sabiex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, kif ukoll li l-istess isir ma’ assoċjazzjonijiet sportivi sabiex ikollhom faċilitajiet moderni u adegwati għat-taħriġ ta’ atleti tagħhom.
Minn naħa tiegħu, Chris Micallef qal li l-programm elettorali tal-PN jagħti l-importanza li jixraq lill-ispor u jaħseb biex jagħti s-sostenn mhux biss lill-atleti u l-isportivi imma anke lill-assoċjażżjonijiet u organizzazzjonijiet marbuta mal-isport f’pajjiżna biex dan jikber dejjem aktar fl-importanza tal-ħajja ta-Maltin u l-Għawdxin.
L-isport hu wieħed mill-pilastri li fuqu ser nibnu l-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ pajjiżna. Qed nimpenjaw ruħna bis-sħiħ li nwettqu aġenda mill-aktar intensiva biex l-atleti żgħażagħ tagħna, kemm jekk stabbiliti jew professjonali u kemm jekk le, ikunu jistgħu jiksbu eċċellenza jew avvanz fl-isport bħala parti integrali mill-avvanz tas-soċjetà u tal-ekonomija tagħna.
Huma spjegaw fid-dettal dawk li huma l-proposti tal-PN għal dan il-qasam.
- Nagħtu status Ministerjali lill-isport u nqisuh bħala settur ekonomiku ewlieni
Niżguraw li l-isport ikollu Ministeru ddedikat u fffukat għalih biss biex bi tfassil tal-politika u b’alleanza nazzjonali ma’ l-assoċjazzjonijiet tkun tista’ titwettaq strateġija komprensiva ġdida għall-isport.
L-għanijiet prinċipali ta’ din l-istrateġija jkunu t-trasformazzjoni tal-isport f’settur ekonomiku ġdid, ir-riġenerazzjoni mill-qiegħ tal-faċilitajiet tat-taħriġ u l-kompetizzjonijiet sportivi, it-tisħiħ tat-turiżmu sportiv f’Malta, u li jsir sforz qawwi fit-tul biex jitjiebu l-opportunitajiet u l-parteċipazzjoni internazzjonali tal-atleti Maltin.
Jinħloqu żewġ strutturi ġodda taħt il-Ministeru tal-isport biex:
1A. Inwaqqfu entità speċifika biex tattira l-avvenimenti sportivi lejn Malta
Inwaqqfu entità sportiva speċifika li taħdem id f’id ma’ Sport Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, biex tattira lejn Malta avvenimenti li jiġu organizzati fi kwalunkwe dixxiplina sportiva. Din tkun parti minn politika komprensiva speċifika għat-turiżmu sportiv u parti wkoll minn politika nazzjonali ġdida għall-isport.
1B. Noħolqu funzjoni ġdida tal-konformità sportiva biex innaqqsu l-burokraziji żejda għall-amministrazzjonijiet sportivi lokali
Inwaqqfu funzjoni amministrattiva komprensiva biex tkompli tiżdied il-professjonalità u l-effettività fl-amministrazzjoni sportiva lokali. Għal dan il-għan jinħoloq qafas diġitali biex jassisti lill-assoċjazzjonijiet u l-klabbs sportivi lokali jtejbu l-governanza filwaqt li jiżgura t-tneħħija tax-xkiel burokratiku.
- Noħolqu l-Kampus Malti tal-Innovazzjoni Sportiva
Gvern ġdid Nazzjonalista hu kommess li joħloq faċilità għat-taħriġ u x-xjenzi sportivi biex l-atleti professjonali u aspiranti jkollhom il-faċilitajiet u r-riżorsi meħtieġa ħalli jsaħħu l-ħiliet u t-talenti tagħhom fl-isport, u biex pajjiżna jimraħ u jkun minn ta’ quddiem nett fejn jidħlu l-innovazzjoni sportiva u l-isport tal-aqwa prestazzjoni.
Dan il-Kampus ikun faċilità ta’ l-għola livell li tlaqqa’ flimkien l-akkomodazzjoni, it-taħriġ fiżiku, is-servizzi tal-ġbir u l-analiżi tad-data performattiva. Din. tkun faċilità li tħaddem teknoloġiji innovattivi u għodod fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) u fil-qasam tax-xjenzi sportivi biex titjieb dejjem aktar il-prestazzjoni tal-atleti Maltin.
Din il-faċilità sportiva ser tkun fost l-aqwa fir-reġjun u li twessa’ l-ekosistema bħala parti minn viżjoni usa’ u ġenerali biex l-industrija sportiva ssir wieħed mis-setturi ekonomiċi vertikali ġodda tagħna.
- Niftħu faċilità fiċ-ċentru ta’ Malta għall-indoor sports, li b’mod speċifiku tospita firxa usa ta’ dixxiplini sportivi
Ninvestu f’faċilità sportiva moderna fiċ-ċentru tal-pajjiż biex ikollna post iddisinjat apposta li jospita avvenimenti u kompetizzjonijiet sportivi nazzjonali u internazzjonali ħalli l-livell tal-isport f’pajjiżna jkompli jogħla. Niżguraw li din il-faċilità tkun tissodisfa r-rekwiżiti għal attivitajiet tul is-sena kollha u li twieżen lill-assoċjazzjonijiet żgħar biex jiġu organizzati sessjonijiet twal u qosra ta’ kompetizzjonijiet u li tospita avvenimenti sportivi internazzjonali.
- Nibnu Futsal Arena ġdida
Nappoġġjaw l-istrateġija li fasslet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futsal,permezz ta’ investiment fl-iżvilupp ta’ Futsal Arena ġdida biex tgħin li dan l-isport u jilħaq livelli għola fuq skala internazzjonali.
- Inwettqu t-Trakka ta’ Ħal Far
Bħala priorita’ ser tibda l-ħidma biex jitwettaq il-proġett imwiegħed u mistenni tat-Trakka ta’ Ħal Far. Qabelxejn isir ippjanar fid-dettall u jinkisbu l-permessi meħtieġa ħalli l-entużjasti, id-dilettanti u t-talenti lokali kollha tal-motorsport ikollhom ċirkwit tat-tlielaq internazzjonali u post li jkattar aktar talent f’dan is-settur, mingħajr aktar dewmien.
- Miżuri fiskali ġodda biex nappoġġaw il-finanzjament tal-isport
Nipprovdu skemi biex il-kumpaniji u l-individwi li jisponserjaw lil xi klabb jew assoċjazzjoni sportivi konformi mal-ESG ikunu eliġibbli għal kreditu tat-taxxa ta’ 50% sa €50,000 fis-sena biex jinħoloq sors ġdid ta’ finanzjament f’dan is-settur.
- Taxxa fuq id-dħul għall-isportivi professjonali
Il-persuni rreġistrati bħala plejers, atleti, kowċis, amministraturi tal-attivitajiet sportivi u dawk li jħarrġu f’xi dixxiplini sportivi jkunu eliġibbli għal rata tat-taxxa ta’ 5% fuq l-ewwel €80,000 dħul tagħhom.
- Kreditu ta’ taxxa għal leave speċjali għall-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali
Sabiex jiġi inċentivat aktar appoġġ lill-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet barra minn pajjiżna, ser jingħata kreditu ta’ taxxa lil min iħaddem biex ikopri l-ispiża sħiħa tal-leave speċjali li jagħtu lill-atleti għal dan il-għan.
- Nagħtu appoġġ b’saħħtu lill-formazzjoni sportiva tat-tfal
Fid-dawl li l-isport huwa pilastru ewlieni tal-viżjoni tagħna, il-formazzjoni sportiva tat-tfal, l-appoġġ lill-familji u lin-nurseries sportivi ser ikunu s-sisien tas-suċċess tagħna f’kull dixxiplina. Ser nagħmlu dan billi:
- Nagħtu għotja ta’ €500 lin-nurseries jew tal-akkademji li huma konformi mal-ESG għal kull tifel jew tifla, żagħżugħ jew żagħżugħa sa 18-il sena li jipparteċipaw fi programm strutturat ħalli b’hekk ikunu jistgħu jwettqu investiment kapitali u jsaħħu l-istaff tekniku.
- Nappoġġaw liż-żgħażagħ li jieħdu sehem fl-attivitajiet sportivi internazzjonali billi l-vawċer tal-ivvjaġġar ta’ €500 għaż-żgħażagħ ikun jista’ jintuża wkoll għal skop ta’ vvjaġġjar sportiv biex ikollhom esperjenzi ta’ taħriġ jew kompetizzjonijiet internazzjonali.
- Niżguraw li l-ispejjeż kollha tal-isport extra-kurrikulari li jħallsu l-ġenituri għal uliedhom jitnaqqsu mill-introjtu taxxabbli tal-ġenituri.
- Nagħtu għotja ta’ €300 kull sena lill-ġenituri tal-istudenti sa 18-il sena li jieħdu sehem fi programm strutturat tal-isport estra-kurrikulari li jkun irreġistrat ma’ assoċjazzjoni konformi mal-ESG tal-għażla tagħhom.
- Wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet edukattivi, mal-unions u ma’ esperti, inżidu n-numru ta’ lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika fil-ġimgħa matul l-edukazzjoni obbligatorja, u nżidu l-kumpliment li jirċievu l-għalliema tal-edukazzjoni sportiva.
- Insaħħu l-Iskola Nazzjonali tal-Isport
Wara 10 snin mit-twaqqif tagħha, nerġgħu nagħtu spinta qawwija lill-Iskola Nazzjonali tal-Isport biex tagħmel qabża ta’ kwalità fir-rwol u l-attivitajiet tagħha:
- Inżidu n-numru ta’ studenti parteċipanti f’kull sena skolastika biex inwessgħu l-opportunitajiet lill-atleti żgħażagħ ta’ talent li jieħdu sehem f’dan il-programm.
- Norbtu l-ħidma tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport mal-Kampus Malti tal-Innovazzjoni Sportiva.
- Inwessgħu ħidmet l-Iskola Nazzjonali tal-Isport għall-edukazzjoni post-sekondarja biex l-istudenti jkollhom kontinwazzjoni fil-formazzjoni tagħhom.
- Insaħħu s-sistema ta’ appoġġ biex joktor it-talent fil-qasam sportiv
Bħala parti mill-ħidma tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, Gvern ġdid Nazzjonalista jniedi programm ġdid li jidentifika talent fost it-tfal u ż-żgħażagħ promettenti f’kull dixxiplina sportiva sa mill-aktar kmieni biex jirnexxilna nilħqu l-akbar numru ta’ atleti Maltin b’potenzjali ta’ livell internazzjonali u nagħtuhom l-opportunità sħiħa li jilħqu l-milja tagħhom.
Programm bħal dan ikun maħsub biex irawwem it-talent żagħżugħ f’atleti professjonali permezz ta’ taħriġ skont l-età u appoġġ għall-kompetizzjonijiet, immexxi minn kowċis esperti u b’aċċess għal faċilitajiet sportivi tal-aqwa standards.
- Nirduppjaw il-Boroż ta’ Studju Sportivi
Nirdoppjaw l-boroż ta’ studju sportivi biex dawn ikunu sors ewlieni ta’ fondi li jappoġġaw lill-atleti ħalli jkunu jistgħu jiksbu fondi internazzjonali oħra u jissoktaw bit-taħriġ tagħhom bħala atleti tal-aqwa prestazzjoni u jirrappreżentaw lil pajjiżna f’kompetizzjonijiet dinjin.
- Inwieżnu lill-entitajiet sportivi biex ikollhom il-faċilitajiet tagħhom u japplikaw għal proġetti ta’ kummerċjalizzazzjoni sportiva
Nappoġġaw lill-klabbs u lill-organizzazzjoni volontarji li huma konformi mal-ESG biex:
- Ikollhom il-post/faċilita’ tagħhom, permezz ta’ ftehim dwar art/proprjetà tal-gvern jew b’appoġġ finanzjarju biex jiksbu xi art/binja eżistenti.
- Iwettqu rinnovazzjonijiet strutturali fil-proprjetajiet tagħhom permezz ta’ termini finanzjarji favorevoli.
Barra minn hekk, f’qafas sod imsejjes fuq l-ESG, Gvern ġdid Nazzjonalista jappoġġa u jħaffef l-applikazzjonijiet bona-fide għal proġetti ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi.
- Naħdmu biex niksbu t-titlu prestiġjuż ta’ Belt jew Gżira Ewropea tal-Isport
Ser inwettqu sforz nazzjonali biex tiġi implimentata ħidma biex Malta jirnexxilha tikseb pożizzjoni bħala kandidat b’saħħtu għat-titlu prestiġjuż ta’ Belt jew Gżira Ewropea tal-Isport.
- Insaħħu l-għajnuna finanzjarja bi tħejjija għall-GSSE 2023
Inżidu l-baġit allokat għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta (2023) b’€2 miljun ħalli tissaħħaħ it-tħejjija tal-atleti Maltin fl-għaxar dixxiplini sportivi: l-atletika, il-basketball, il-judo, ir-rugby, l-ibburdjar, l-isparar, l-isquash, l-għawm, it-table tennis u t-tennis.
- Nallokaw finanzjament ewlieni għall-prestazzjoni professjonali u Olimpika
Inżidu l-finanzjament għall-atleti professjonali tagħna biex ikollhom iżjed appoġġ fit-taħriġ u jtejbu r-riżultati, u biex jaspiraw għall-aqwa kisbiet fiż-żewġ edizzjonijiet li ġejjin tal-Logħob Olimpiku f’Pariġi (2024) u f’Los Angeles (2028). Nappoġġaw ukoll lill-Kumitat Olimpiku Malti fit-tħejjija tal-atleti Maltin għall-edizzjonijiet li jmiss tal-Logħob tal-Mediterran, tal-Commonwealth u tal-Paralympics.
- Fond li jgħin l-atleti Maltin jiksbu. suċċess f’kompetizzjonijiet internazzjonali
Sabiex jiġu inċentivati u mgħejjuna atleti u clubs Maltin biex jiksbu suċċess jew kwalifikazzjonijiet aktar avvanzati f’kompetizzjonijiet internazzjonali, ser jitwaqqaf fond b’allokazzjoni ta’ €1 miljun kull sena li jiġi allokat skond parametri stabbiliti minn Sport Malta.
- Insostnu l-appoġġ lill-atleti ta’ l-iSpecial Olympics
Nibnu fuq ix-xogħol siewi li sar s’issa fil-qasam tal-iSpecial Olympics permezz ta’ aktar investiment, appoġġ loġistiku u programmi ta’ taħriġ sabiex nagħtu aktar opportunitajiet lil atleti tagħna biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom fid-dixxiplina rispettiva li jipprattikaw.
- Niftħu skema ġdida ta’ fondi għall-ivvjaġġar sportiv biex nappoġġaw lill-assoċjazzjonijiet u l-klabbs sportivi fl-avvenimenti sportivi internazzjonali
Nallokaw €1 miljun kull sena f’Fond Nazzjonali ġdid għall-Innovazzjoni Sportiva bil-ħsieb li jappoġġa lill-entitajiet sportivi (l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs rikonoxxuti) meta jivvjaġġaw biex jieħdu sehem f’avvenimenti sportivi kompetittivi uffiċjali.
- Niftħu stazzjon televiżiv nazzjonali free-to-air li jxandar esklussivament l-isport
Inwaqqfu stazzjon televiżiv nazzjonali free-to-air li jkun ixandar avvenimenti sportivi ta’ kull dixxiplina u li jkun immexxi mill-PBS. Dan l-istazzjon ixandar esklussivament l-isport u jippromwovi l-attivitajiet sportivi lokali u l-ħidma tal-assoċjazzjonijiet f’Malta. Ikun stazzjon li jlaqqa’ lill-esperti lokali u jixpruna l-viżibbiltà fuq il-midja tat-talent u l-formazzjoni sportiva ta’ livell dinji.
Dawn il-proposti tal-PN ilkoll flimkien iwittu t-triq biex l-isport f’pajjiżna jingħata verament l-importanza li jixraqlu.
//= $special ?>