Futbol Sport

Inter isalvaw draw fl-aħħar minuti… Napoli jżommu l-pass ma’ Milan

(Ritratt: EPA)

Draw drammatiku għal Inter fir-94 minuta f’partita diffiċli kontra avversarju skabruż bħal Torino li fl-ewwel taqsima kienu aktar fil-partita bl-element wkoll ta’ kontroversja għal dak li deher penalty car fuq Andrea Bellotti. B’Torino deċiżi li ma jħallux l-inizjattiva tgħaddi għand avversarju aktar ikkowotat, fit-12 il-minuta saħansitra marru fil-vantaġġ. GLEISON BREMER minn azzjoni ta’Tommaso Pobega għeleb lil Samir Handanovic. Ir-reazzjoni minn Inter kienet waħda limitata tant li Etrit Berisha rari kien impenjat. Fit-tieni taqsima kibret il-pressjoni minn Inter fejn deher evidenti li fl-offensiva kienu nervużi tant li temmew il-partita b’ħames plejers ammoniti. Ironikament il-gowl tad-draw kien miksub fir-raba’ minuta ta’ ħin miżjud meta minn azzjoni ya’ Edin Dzeko kien ALEXIS SANCHEZ li għeleb lil Berisha għal 1 – 1

Fi Stadio M.A. Bentegodi, Napoli komplew jersqu viċin Milan b’rebħa minima ta’ 2-1 fuq Verona. Victor Osimhen poġġa lil Napoli fil-vantaġġ wara 14-il minuta bl-istess player jirdoppja fil-71 minuta. Verona daħlu fil-partita fis-77 minuta permezz ta’ Marco Davide Faraoni, iżda fit-83 minuta temmew jilagħbu bi player anqas meta tkeċċa Federic Ceccherini.

Punt importanti għal Udinese li fl-erbatax il-post bi 30 punt qabżu b’punt lil Spezia. Wara kwarta logħob kien NAHUEL MOLINA li għeleb lil Rui Patricio biex poġġa lil Udinese fil-vantaġġ f’dak li kellu jkun l-uniku gowl matul l-ewwel taqsima. Kibret il-pressjoni minn Roma li iżda kellhom jistennew sal-94 minuta biex kisbu l-gowl tad-draw. Marvin Zeeglaar lagħab b’idu . Marco di Bello kkonsulta l-VAR sabiex minn penalty LORENZO PELLEGRINI għeleb lil Marco Silvestri għal 1 – 1.

Minkejja li Atalanta kellhom aktar mil-logħob matul l-ewwel taqsima, rari imenjaw lil Salvatore Sirigu bir-riżultat li l-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 0 – 0 . L-andament matul it-tieni taqsima baqa’ l-istess bid-difiża ta’ Genoa kkontrollat l-attakki sterili ta’ Atalanta. Riżultat li permezz tiegħu Genoa baqgħu fid-19 il-post b’19 il-punt u destinati aktar minn qabel li jkunu relegati filwaqt li Atalanta fil-ħames post intlaħqu minn Roma bi 48 punt.

Fiorentina telgħu fit-tmien post tal-klassifika b’rebħa minima ta’ 1-0 fuq Bologna. Bologna sfaw jilagħbu bi player anqas wara 41 minuta meta tkeċċa Kevin Bonifazi. Il-Viola approfittaw minn dan u skorjaw il-gowl li ddeċieda l-partita fis-70 minuta permezz ta’ Lucas Torreira.

SERIE A

Illum: Fiorentina v Bologna 1-0, Verona v Napoli 1-2, Atalanta v Genoa 0-0, Udinese v Roma 1-1, Torino v Inter 1-1 Għada: Lazio v Venezia 8.45pm