Elezzjoni 2022 Lokali

Jiżdiedu dawk indeċiżi dwar kif se jivvutaw

2.7% ta' dawk li vvutaw Labour fl-2017 jgħidu li se jivvutaw PN

Kompla kiber il-fenomenu tal-votanti indeċiżi.

F’għeluq it-tielet ġimgħa tal-kampanja elettorali, is-survey tal-MaltaToday qed juri li kull ma jmur qed jiżdiedu l-persuni, minn fost dawk eliġibbli li jivvutaw nhar is-26 ta’ Marzu li ġej, illi ma jafux kif, jew jekk humiex se jkunu qed jixħtu l-vot tagħhom.

L-istess stħarriġ qed juri li d-distakk bejn iż-żewġ partiti issa nizel għal 26,000 vot, bi 3.7% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2017 issa qed jgħidu li se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.

Dan is-survey iqis fil-kalkoli tiegħu perċentwal ta’ voti li ma jkunux validi. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali 1.2% tal-voti, jew aktar minn vot minn kull mija, li ma kienx validu. Skont il-MaltaToday, mill-aktar ċifri riċenti li għandhom, il-voti validi fl-elezzjoni li ġejja se jkunu madwar 86.6%.

Intant, l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant permezz ta’ post fuq Facebook wassal messaġġ dirett lil sħabu. Hu qal li hemm ħafna Laburisti li jinsabu rrabjati u li mhux jidhru fis-sondaġġi. Sant qal li hemm faxxa mhux żgħira ta’ votanti ta’ tendenza Laburista li jew mhux se jmorru jivvotaw jew li se jħassru l-vot tagħhom.