Elezzjoni 2022 Lokali

“L-2022 tista’ tkun il-bidu ta’ kapitlu ieħor sabiħ ta’ pajjiżna” – Bernard Grech

“L-2022 tista’ tkun il-bidu ta’ kapitlu ieħor sabiħ ta’ pajjiżna. Issa wasal iż-żmien li nħarrsu ‘l quddiem. Iffukati li noħolqu l-ġid għalik. Int għandek dritt li tgħix il-ħajja li tixtieq. Inwegħdkom gvern awtentiku, gvern sensittiv, gvern li jagħti kasek dejjem, gvern li jisma’. Qed intik kelmti li dak li qed inwegħdek inwettqu miegħek. Ejja ngħamlu l-għażla tas-26 ta’ Marzu waħda li għada pitgħada nħarsu lura lejha u ngħidu li flimkien biddilna r-rotta ta’ pajjiżna.” – Dan kien il-messaġġ b’saħħtu li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza l-folla li nġabbret fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin għall-Mass Rally organizzat mill-PN.

Bernard Grech qal hekk meta fakkar kif il-partit li hu jmexxi beda kapitli ġodda u sbieħ għall-pajjiżna diversi drabi fosthom meta ksibna l-Indipendenza u meta dħalna fl-Unjoni Ewropea, “ma bżajniex u llum għadna naraw il-frott ta’dak il-kuraġġ u ta’ dawk id-deċiżjonijiet.”

Il-Kap tal-PN saħaq li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq u qatt daqs illum pajjiżna ma kien f’pożizzjoni li jrid jagħżel liema triq jaqbad. “Jew kompli miexi f’din it-triq ta’ biża’, fejn persuna tibża twieġeb survey, fejn professjonist jibża’ jindirizza attivita’ tal-Oppożizzjoni, fejn negozjant jitwerwer jiġi jitkellem mal-Oppożizzjoni u jwassal il-ħsibijiet tiegħu, għax kulħadd jibża’ minn oppressjoni minn Kastilja.”

Bernard Grech stqar li pajjiżna jrid jagħżel iridx jibqa’ b’xandir nazzjonali litteralment maħtuf minn Kastilja u jrid jagħżel jekk iridx jibqa’ b’istituzzjonijiet li huma litteralment estensjoni tas-segretarjati tal-Ministri. “Pajjiżna jrid jagħżel jridx imur fi stat prattikament ta’ dittatorjat fejn Robert Abela jitkellem b’mod miftuħ li jrid maġġoranza ikbar milli għandu għax hekk biss ikollu s-saħħa.  Għalfejn trid iktar saħħa?  Mhux ġa għandek pajjiż maħtuf f’idejk, bil-kontrolli li rrendejthom nulli”, qal il-Kap tal-PN.

Hu saħaq li Robert Abela, għal xi raġuni huwa għatxan għall-poter u għal aktar maġġoranza biex b’hekk ikun jista’ jibqa’ jaħrab milli jiweġeb domandi serji li qed iqumu dwaru, il-Ministri u l-partit tiegħu. Bernard Grech saħaq li “fis-26 ta’ Marzu li ġej, jiġiefieri f’inqas minn ġimgħatejn oħra, pajjiżna jista’ jagħżel triq oħra, dik li apparti l-ġid materjali jkollu wkoll libertajiet tabilħaqq bażiċi.  Li tissieħeb f’assoċjazzjoni, għaqda jew partit politiku huwa dritt bażiku u ħadd m’għandu jċaħħadulek għaliex li l-Gvern isirlu skrutinju huwa dmir sagrosant f’demokrazija ta’ veru u mhux taparsi.”

Matul id-diskors tiegħu Bernard Grech tkellem dwar it-tielet ġimgħa tal-kampanja elettorali li waslet biex tintemm fejn semma’ id-diversi żjarat li kellu li fihom iltaqa’ ma’ persuni minn oqsma differenti tas-soċjetà. Din kienet ukoll il-ġimgħa li fiha Bernard Grech ħa sehem fid-dibattitu li sar fl-Università ta’ Malta fejn anke hemmek kompla jispjega l-viżjoni tiegħu għal Malta. Kienet ġimgħa illi fiha komplew ikunu spjegati aktar proposti konkreti tal-PN fosthom dwar it-Trackless Tram, proposta li biha, fi ftit snin permezz tagħha, sa fl-aħħar ser jibda jonqos it-traffiku f’pajjiżna.

Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista jista’ jsib is-soluzzjonijiet filwaqt li ħaddieħor qalilna li għandu proposta li tista’ titwettaq f’20 sena, il-Kap tal-PN qal li “aħna qed inwegħdukom li nwettquha f’ħames snin. Anke f’dik li hi nefqa, fejn ħaddieħor se jonfoq 6.2 biljun ewro, in-nefqa tat-trackless tram se tkun ta’ 2.8 biljun ewro.”

Il-Kap tal-PN tkellem dwar il-Manifest Elettorali li ppublika Robert Abela wara li għaddew żewġ terzi tal-Kampanja Elettorali li għajjat hu stess. Bernard Grech saħaq li l-Prim Ministru preżenta manifest ‘cover version’ mimli xinxilli u nieqes mis-sustanza u l-kontenut. Hawhekk Bernard Grech staqsa lil Robert Abela “ma kontx preparat, għalfejn mort għal elezzjoni?” Il-Kap tal-PN saħaq li bil-banners u l-billboards, ma tistax issolvi l-problemi għaliex “pajjiżna għandu bżonn viżjoni serja”, li fost l-oħrajn toħroġ lill-pajjiżna mill-greylist.

Bernard Grech spjega li l-Manifest Elettorali tal-PL fih ħafna kliem u stampi sbieħ imma meta tagħsar issib wegħdi kkupjati jew wegħdi mingħajr dettalji dwar kif ser jitwettqu. Dan il-manifest nieqes ukoll mill-viżjoni ekonomika li tant għandu bżonn pajjiżna, fosthom il-bżonn li jinħoloq settur ekonomiku ġdid. Dan għad-differenza tal-PN li ser joħloq 10 setturi ekonomiċi ġodda permezz ta’ investiment ta’ biljun ewro li minnu jiġu lura f’pajjiżna biljuni akbar li jkunu jistgħu jitqassmu fil-bwiet tal-Maltin u Għawdxin kollha.

Meta kien qed jitkellem dwar il-Manifest Elettorali tal-Labour, Bernard Grech fakkar kif wara għaxar snin fil-Gvern u wara għoxrin jum tal-kampanja qed iwegħdu li jiġġieldu l-faqar billi jistudjawh, “ammissjoni li għadhom ma fehemu xejn.”

Bernard Grech fakkar kif matul il-ġimgħa li għaddiet għamel proposta lil Robert Abela biex titwaqqf għal ġurnata l-kampanja elettorali biex isir marċ flimkien u nazzjonali għall-paċi permezz ta’ mixja ta’ solidarjetà mal-Poplu Ukren. Il-Kap tal-PN saħaq li Robert Abela baqa’ ċass u lanqas għal xi ħaġa għal paċi ma kien kapaċi jiddeċiedi “aħseb u ara biex jagħmel xi ħaġa għall-ġid tiegħek.”

Robert Abela qas biss ta’ każ ta din il-propost u minflok fil-ħin li suppost saret din il-mixja għamel konferenza tal-aħbarijiet rekordjata biex juri l-kandidati tiegħu, Bernarg Grech saħaq li Robert Abela ma jiteressaħ minn xejn ħlief il-poter. Dan filwaqt li l-Prim Ministru qed ikompli jaħrab mill-ġurnalisti fl-istess żmien fejn esponent tal-Labour ħareġ jiftaħar bil-koruzzjoni.

Il-Kap tal-PN fakkar kif matul din il-ġimgħa li għaddiet, Robert Abela qalilna li se jissalvagwardja l-ambjent, u fl-istess sigħat, ta permess għal blokka enormi ta’ appartamenti f’Ta’ Sannat, Għawdex. Dan meta wara li Robert Abela mela l-pajjiż bil-billboards u wegħdiet fiergħa dwar il-bżonn ta’ spazji miftuħa, l-Awtoritá tal-Ippjanar marret kontra l-parir tal-NGOs, il-case officer u r-residenti biex tapprova dan il-permess skandaluż. Bernard Grech saħaq li Robert Abela tilef kull kredibbiltà fuq l-ambjent.

Meta kien qed iwieġeb għal dan, il-Prim Ministru qal li jiltaqa’ ma ħafna nies u allura ma jiftakarx, u hawnhekk Bernard Grech reġa’ staqsa lill-Prim Ministru, x’intqal f’dik il-laqgħa li kien parti minnha.

Bernard Grech fakkar kif minn naħa l-oħra, il-PN qed iwiegħed li jżid 50,000 metru kwadru ta’ art li minn waħda pubblika ssir waħda ODZ u din tkun protetta b’żewġ terzi tal-Parlament.

Il-Kap tal-PN appella lill-Robert Abela biex ma jibqax juża’ l-pandemija bħala skuża, b’mod partikolari biex ma jippublikax il-kontijiet tal-Partit Laburista. Din hija l-ewwel darba li se jkollna partit jikkontesta l-elezzjoni mingħajr ma jkun ippreżenta l-kontijiet pubbliċi tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali.

Pero, hawnhekk, fuq kollox, Bernard Grech saħaq li Robert Abela tilef kull kredibbiltà fuq dawn ir-regoli tal-Covid, u ma jistax jibqa’ jiġġustifika miżuri aktar iebsa minn dawk ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa. Hu saħaq li speċjalment b’elezzjoni wara l-kantuniera, “issa hija theddida demokratika għalina li Abela jinsisti fuq kwarantina għal dawk li ma ġewx imlaqqma anke jekk ikollhom PCR negattiv.” Bernard Grech fakkar kif Robert Abela naqas mill-wegħda tiegħu li jħalli li ssir votazzjoni barra minn Malta għal dawk il-Maltin li jgħixu barra.

Minn naħa l-oħra, Bernard Grech iddikjara li mal-PN “tafu fejn qegħdin.” Dan meta spjega aktar proposti tal-PN li wiegħed li kollha ser jitwettqu. Fost l-oħrajn fis-settur Edukattiv, proposti tal-work-life balance, il-mobilità u l-kultura, fost l-oħrajn. Il-Kap tal-PN saħaq li “biex nagħmlu dan ser inwettqu qafas ta’ miżuri li permezz tagħhom nagħtu spinta qawwija lill-każini tal-banda, dawk involuti fil-festi tagħna, ir-regatta tagħna, u l-artiġjanat li joħloq u jibni dan il-ġmiel ta’ drawwietna.”

Dawn il-miżuri huma intiżi biex jgħinu fil-qawmien mill-ġdid ta’ dawn l-organizzazzjonijiet wara l-pandemija tal-COVID-19 li qed isibu ma’ wiċċhom ħafna diffikultajiet. Dan billi:

Is-servizzi kollha li jingħataw minn entitajiet Governattivi bħalma huma permessi u servizzi extra tal-Pulizija, LESA, Transport Malta, ARMS, u servizzi ta’ fire-engine, eċċ, jingħataw b’xejn.

Gvern ġdid tal-PN jagħti wkoll rifużjoni permezz ta’ vouchers jew sistema oħra simili fuq l-ispejjez tal-Insurance li tinħareġ fuq l-armar u n-nar.

L-ispejjeż ta’ meters ta’ l-elettriku li jkun hemm bżonn jintużaw waqt il-festi ser jibdew jitħallsu minn Heritage Malta.

Il-PN wiegħed ukoll li jerġa’ jibda jopera b’mod effettiv il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat b’waħda mill-funzjonijiet tiegħu tkun inkluża r-reġistrazzjoni l-artiġjani li jaħdmu fl-arti reliġjuża.

Bl-aktar mod ċar, Bernard Grech saħaq li japprezza l-volontarjat u japprezza l-kontribut li jagħtu lill-ekonomija ta’ pajjiżna “għax nafu x’sagrifiċċji tagħmlu, se ssibuna magħkom”