Ekonomija Elezzjoni 2022 Lokali

Aktar esponenti tal-Labour ma jaraw xejn ħażin li n-negozjanti jiddejnu mal-Gvern

Il-Labour jinqabad: jekk Robert Abela jerga’ jiehu l-poter tal-pajjiż f’idejh, se jibgħat lis-sidien tan-negozji jiddejnu.

Meta kien iffaċċjat bid-domandi ta’ NET News, Clyde Caruana faqa’ bużżieqa oħra tal-Labour, li tant ilu jiftaħar: li hemm surplus u li l-Kaxxa ta’ Malta mimlija bil-flus.

Dan hekk kif, ippressat kif Partit suppost tal-Ħaddiema spiċċa se jibgħat lin-negozjanti jiddejnu mal-Gvern stess, il-magħżul ta’ Abela biex jieħu ħsieb il-Finanzi qal li l-Gvern m’huwiex bir bla qiegħ.

Fil-jiem li ghaddew, lanqas Silvio Schembri, li fl-aħħar leġislatura kien il-Ministru tal-Ekonomija, ma kien kapaċi jwieġeb għaliex il-Labour irid jibgħat lin-negozjanti jiddejnu mill-Gvern. Dan hekk kif, anke hu – meta mistoqsi minn NET News – ħarab jiġri lejn il-karozza.

B’hekk, iż-żewġ esponenti qrib ħafna tal-Leader Laburista baqgħu fl-ebda ħin ma serrħu moħħ in-negozjanti għall-mod kif irid jitrattahom Robert Abela jekk jirbaħ l-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu.