Il-Partit Nazzjonalista jemmen li d-drawwiet, delizzji, ħiliet u l-artiġjanat, huma kollha parti mill-identità tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi kif ukoll parti integrali mill-prodott turistiku ta’ pajjiżna.
Biex jagħmel dan, Gvern ġdid Nazzjonalista se jwettaq qafas ta’ miżuri li permezz tagħhom tingħata spinta qawwija lill-każini tal-banda, dawk involuti fil-festi, ir-regatta u l-artiġjanat li joħloq u jibni dan il-ġmiel ta’ drawwietna.
Dawn il-miżuri huma intiżi biex jgħinu fil-qawmien mill-ġdid ta’ dawn l-organizzazzjonijiet wara l-pandemija tal-covid-19. Għalhekk Gvern Nazzjonalista lid-dilettanti li tant iħobbu l-festi se jkun qed jgħinkom billi:
- Is-servizzi kollha li jingħataw minn entitajiet Governattivi bħalma huma permessi u servizzi extra tal-Pulizija, LESA, Transport Malta, ARMS, u servizzi ta’ fire-engine, eċċ, jingħataw b’xejn.
- Rifużjoni permezz ta’ vouchers jew sistema ohra simili fuq l-ispejjez tal-Insurance li tinħareġ fuq l-armar u n-nar.
- L-ispejjeż ta’ meters ta’ l-elettriku li jkun hemm bżonn jintużaw waqt il-festi ser jibdew jitħallsu minn Heritage Malta
- Jerġa’ jibda jopera b’mod effettiv il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat b’waħda mill-funzjonijiet tiegħu tkun inkluża r-reġistrazzjoni l-artiġjani li jaħdmu fl-arti reliġjuża. Permezz tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, flimkien ma’ Heritage Malta, l-artiġjani jkunu mgħejjuna biex jaħdmu fi produzzjonijiet li jkunu qed jinħadmu f’Malta, kif ukoll li dawn l-artiġjani jkunu apprezzati għall-ħila tagħhom.