Internazzjonali

Analiżi tal-Gwerra fl-Ukrajna: Is-suċċess militari tar-Russi jiddependi mill-iżviluppi fuq ‘diversi fronti’

L-avvanzi tal-qawwiet Russi fl-Ukrajna qed ikomplu jaħbtu mal-ostakoli, fost rapporti persistenti li Moska qed titlef dejjem aktar truppi u konvojs armati anki waqt li s-suldati tagħha qed javviċinaw Kiev minbarra li jassedjaw l-ibliet Ukreni l-oħra.

Iżda l-esperti u l-analisti militari huma konvinti li l-gwerra tal-Ukrajna għadha ‘il bogħod minn tmiem li diversi zoni ta’ battalja kapaċi jkunu deċiżivi għar-‘rebħa finali’ għal naħa jew oħra.

Mhemmx dubju li s-sitwazzjoni madwar Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, qed titqies bħala kritika u li kapaċi tagħmel id-differenza kollha f’din il-gwerra.

Issa, l-artillerija tar-Russja waslet f’inħawi minfejn kapaċi tibbumbardja liċ-ċentru tal-kapitali. U ladarba toħroġ id-direttiva (mill-Kremlin) għall-bumbardamenti qawwija fuq Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna għandha tgħaddi mill-istess esperjenza terribbli ta’ bliet Ukreni oħra bħal Kharkiv, Sumy u Mariupol.

Sadanittant, jeżisti periklu ieħor għall-Ukrajna….

Dan għaliex it-Tmexxija militari tar-Russja qed taħseb biex tiċċirkonda u ‘tinnewtralizza’ uħud mill-aqwa taqsimiet militari tal-Ukreni li, bħalissa, qegħdin jiffaċċjaw lill-milizzji separatisti ( appoġġjati minn Moska) fil-lvant tal-Ukrajna.

Il-pjan ta’ Moska, għaldaqstant, jidher intiż biex iwaqqaf lill-battaljuni Ukreni fil-lvant tal-Ukrajna milli jintervjenu fi kwalunkwe assedju tar-Russi fuq Kiev – b’din l-istrateġija kapaċi tkun determinanti fil-jiem u l-ġimgħat li jmiss.

U jekk il-qawwiet Russi fin-nofsinar tal-Ukrajna jirnexxilhom javvanzaw lejn Zaporizhia u Dnipro – fejn imbagħad jissieħbu mal-militar Russu madwar il-belt ta’ Kharkiv – dawn għandhom ‘jimblukkaw’ kwalunkwe movimenti mit-truppi Ukreni li jinsabu fiz-zoni tal-lvant tal-Ukrajna…..Sitwazzjoni li tista’ tħalli lil Kiev iżolata u b’difiża mnaqqsa fil-konfront tal-magna tal-gwerra Russa.