Lokali

Fil-periklu tal-mewt wara li tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u baqa’ dieħel f’ħajt

Żagħżugħ jinsab fil-periklu tal-mewt wara li tilef il-kontroll tal-vettura li kien qiegħed isuq u baqa’ dieħel f’ħajt. Dan l-inċident seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tat-3.30am, fi Triq Reġjonali, Santa Venera.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li żagħżugħ ta’ 22 sena residenti n-Naxxar, tilef il-kontroll tal-vettura tat-tip Mazda Demio, b’konsegwenza li ħabat f’ħajt u ma’ xi strutturi tat-triq.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lix-xufier l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Kawża tal-inċident, inħolqot konġestjoni tat-traffiku kbir, bit-triq għadha magħluqa.

Il-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.