Waqt li kien qed jindirizza laqgħa organizzata miċ-Chamber of SME’s, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li jrid li n-negozji jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom biex dan is-settur ikompli jimmodernizza ruħu. Dan għaliex dawn għandhom rwol ekonomiku importanti iżda wkoll rwol soċjali fejn jistgħu jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Huwa qal li l-aħħar xhur kienu ta’ sfida kbira għan-negozji, l-ewwel minħabba l-pandemija u issa anke l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna. Hawnhekk il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien proattiv u talab għal miżuri biex titwieżen l-ekonomija fl-iktar mumenti diffiċli. Kien il-Partit Nazzjonalista li ppropona l-vouchers, u insista li jkun hawn level playing field u konsistenza fil-miżuri ta’ kontra l-Covid. Dan apparti li kien għamel pressjoni li jkun hemm estensjoni tal-wage supplement tal-inqas sal-aħħar ta’ Marzu.
Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-effett tal-greylisting, bil-Banek li qed iżidu l-kontrolli u l-burokrazija dejjem tiżdied b’mod ġenerali. Dan qed iwassal għal iktar spejjeż fl-operat tan-negozji u fil-marġini tal-profitti. Fid-dawl ta’ dan kollu, Gvern ġdid Nazzjonalista jrid jibda t-triq biex tissewwa r-reputazzjoni ta’ pajjiżna li llum meqjus bħala ġurisdizzjoni problematika u dan jibda jsir mill-ewwel ġurnata.
“Magħna se jaħdem kulħadd. Inwegħdkom li Gvern immexxi minni joħloq klima ta’ fairness li fiha tkunu tistgħu taħdmu aħjar mingħajr rikatt jew obligazzjonijiet.“
Huwa qal li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna hija ċ-ċavetta li se tgħin lil dawn in-negozji jkomplu jikbru.
Bernard Grech qa li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi pakkett ta’ proposti li jippremja negozjanti li jinvestu:
- Se ninvestu biljun ewro biex noħolqu għaxar setturi ġodda.
- Biex ninċentivaw aktar investiment fl-intrapriżi tagħna, se nnaqqsu r-rata tat-taxxa fuq il-qligħ tan-negozji, konformi mal-ESG, għal 15% fuq l-ewwel €500,000 profitt li jinżammu fin-negozju.
- Fuq medda ta’ ħames snin, hekk kif il-qafas tal-ESG ikun sar parti integrali mill-politika fiskali tagħna, inniżżlu l-ogħla rata ta’ taxxa għal 25%, kemm għal kumpaniji kif ukoll għall-persuni.
- Fejn tidħol il-VAT qed nipproponu li n-negozji u s-self-employed b’fatturat sa €60,000 ma jkunux meħtieġa jitolbu l-VAT jew jitolbu rifużjoni tal-VAT, filwaqt li nqassru ż-żmien li taxpayer irid idum biex jibdel bejn reġim u ieħor tal-fatturat.
- L-istabilimenti tal-ikel u x-xorb jingħataw spinta kbira permezz ta’ tnaqqis fir-rata tal-VAT għal 7%.
- Se naħdmu mar-rappreżentanti tal-ħwienet biex tinstab soluzzjoni jew rimedju għal dawk il-ħwienet li joperaw taħt kirja kummerċjali li tagħlaq fl-2028. M’huwiex ġust li min bena u indokra ħanut għal tant snin jispiċċa jitlef dak kollu li għamel mingħajr ebda triq alternattiva.
- Il-qasam tar-retail se jingħata l-importanza li jistħoqqlu f’ekonomija moderna b’suq tat-turiżmu b’saħħtu. Se ninċentivaw aktar imprendituri żgħar biex jinvestu u jiftħu ħwienet ta’ karattru fiċ-ċentri ewelnin ta’ pajjiżna bil-għan li noħolqu ekosistemi bbażati fuq il-kunċett ta’ ’10-minute neighbourhood’ minsuġ fil-karratteristiċi tipiċi tal-lokalitajiet tagħna.
- Ngħinu lill-ħwienet fil-lokalitajiet mifruxa f’Malta u Għawdex permezz ta’ titjib fl-infrastruttura, faċilitajiet ta’ parkeġġ u s-servizzi anċillari l-oħra meħtieġa.
- Ngħinu lill-komunitajiet kummerċjali joħolqu inizjattivi li jħajru l-konsumatur jixtri mil-lokal.
- Nieħdu ħsieb aħjar iż-żamma tas-swieq organizzati, bi djalogu mal-bejjiegħa u l-kunsilli lokali rispettivi.
- Nindirizzaw il-problema tal-kummerċ illeċitu biex inneħħu l-kompetizzjoni inġusta bejn negozji li jaħdmu sewwa u negozji li jaħdmu b’mod inġust u qarrieq.
- Qed naħsbu wkoll fl-ambjent – biex nibdlu zona minn ODZ għal żvilupp irridu żewġ terzi tal-Parlament.
Il-Kap tal-PN qal li qatt daqs illum pajjiżna ma jinsab f’pożizzjoni li jrid jagħżel liema triq jaqbad. Jew inkomplu mexjin f’din it-triq ta’ biża’, fejn persuna tibża’ twieġeb survey, fejn professjonist jibża’ jindirizza attività tal-Oppożizzjoni, fejn negozjant jitwerwer jiġi jitkellem mal-Oppożizzjoni u jwassal il-ħsibijiet tiegħu, għax kulħadd jibża’ minn oppressjoni minn Kastilja.
Jew inkella fis-26 ta’ Marzu, pajjiżna jista’ jagħżel triq oħra… dik li apparti l-ġid materjali jkollu wkoll libertajiet tabilħaqq bażiċi. Li tissieħeb f’assoċjazzjoni, għaqda jew partit politiku huwa dritt bażiku u ħadd m’għandu jċaħħadulek. Li l-Gvern isirlu skrutinju huwa dmir sagrosant f’demokrazija ta’ veru u mhux taparsi.
Bernard Grech qal li biex dan iseħħ hemm bżonn bidla fil-Gvern… fejn Gvern Nazzjonalista se jkun gvern awtentiku, gvern sensittiv, gvern li jagħti kas, gvern li jisma’.
“Magħna what you see is what you’ll get. U qed intik kelmti li dak li qed inwegħdek inwettqu.“
//= $special ?>