Elezzjoni 2022 Lokali

Ikompli t-tqassim tad-dokumenti tal-vot u r-reġistrazzjoni għall-votazzjoni bikrija

Jekk trid tirreġistra biex tivvota nhar is-Sibt li ġej, għandek ċans biss sa nhar il-Ġimgħa f'nofsinhar

Jekk inti jew xi ħadd li taf mhux se jkun jista’ jmur jivvota fis-26 ta’ Marzu minħabba safar jew bżonn ta’ sptar, wieħed jista’ jirreġistra biex ikun jista’ jivvota nhar is-Sibt li ġej, id-19 ta’ Marzu.

Fadal biss żmien sa nhar il-Ġimgħa f’nofsinhar biex wieħed ikun jista’ jirreġistra għall-votazzjoni bikrija.

Biex tirreġistra, trid tmur personalment l-Uffiċju tal-Kummissjoni Elettorali fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar jew għall-Għawdxin, 28A Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex bejn illum u l-Ħamis, bejn it-8.00am u s-2.00pm jew bejn it-3.00 u t-8.00pm, jew il-Ġimgħa bejn it-8.00 u nofsinhar.

Intant min għadu ma ġabarx id-dokument tal-vot tiegħu jista’ jagħmel dan mill-għassa tal-lokalità fejn hu rreġistrat biex jivvota, jew jekk mhemmx għassa mill-uffiċċju tal-Kunsill Lokali, bejn l-Erbgħa 16 ta’ Marzu u l-Ġimgħa 18 ta’ Marzu, bejn it-8.00 u s-1.00pm jew bejn it-3.00pm u d-9.00pm, jew is-Sibt 19 ta’ Marzu bejn it-8.00am u l-10.00pm. Il-Ħadd 20 ta’ Marzu l-ġbir jista’ jsir bejn it-8.00am u nofsinhar.

F’San Pawl il-Baħar, id-dokumenti jinġabru mill-Għassa tal-Qawra. F’Marsascala jinġabru mill-Iskola Primarja ta’ San Ġwakkin. Id-dokumenti ta’ dawk irreġistrat f’Ħ Attard, il-Birgu, il-Fontana, il-Għargħur, l-Għasri, l-Iklin, il-Kalkaram Ħal Kirkop, Ħal Lija, il-Mellieħa, Pembroke, Ta’ Xbiex, u x-Xgħajra jinħabru mill-uffiċċju tal-Kunsill.

Importanti li biex wieħed jiġbor id-dokument tal-vot tiegħu irid jieħu miegħu il-karta tal-identità tiegħu.