Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Attakk fuq bażi meqjus bħala ‘theddida lin-NATO’

L-Ewropa u n-NATO qegħin isegwu l-iżviluppi tal-gwerra b’attenzjoni kbira meta żdied l-inkwiet li l-konflitt fl-Ukrajna kapaċi ‘jinfiltra’ għall-artijiet tal-Ewropa taħt il-protezzjoni tal-Alleanza tal-Punent.

Fil-fatt, il-Gvern tal-Polonja qal li l-isparatura tal-missili mir-Russja fuq bażi militari tal-Ukrajna viċin il-fruntiera Pollakka għandha titqies bħala ‘theddida diretta lin-NATO’.

Fl-attakk tal-Ħadd kienu mietu talanqas 40, bl-azzjoni militari tar-Russja tibqa’ l-eqreb waħda s’issa viċin pajjiż tan-NATO mill-bidu ta’ din il-gwerra.

Il-bażi ta’ Yavorivm (fir-reġjun ta’ Lviv ) li ntlaqtet mill-missili tar-Russi kienet tintuża għat-taħriġ militari mill-qawwiet Ukreni kif ukoll mill-qawwiet ta’ pajjiżi tan-NATO sieħba mal-Ukrajna.

Intant, l-Alleanza tal-Punent żiedet l-allert għall-possibbiltà li xi ħadd fost il-pajjiżi membri tagħha, qrib tal-Ukrajna, jispiċċa mira għall-aggressjoni minn Moska.