Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna:  Residenzi fi Kiev milqutin mill-bombi ta’ Putin…Ikomplu t-taħditiet bil-għan li l-ġlied jintemm

Il-qawwiet armati tar-Russja fl-aħħar sigħat kienu qed jibbumbardjaw iz-zoni residenzjali fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, bil-Gvern Ukren jakkuża lill-Kremlin f’Moska dwar ‘kampanja ta’ terrur sistematiku’ kontra ċ-ċivili.

Sadanittant, kollox qed jindika li l-ġlied għall-kontroll ta’ Kiev, fil-jiem li ġejjin, jista’ jilħaq il-livell tat-taqbida storika għal Stalingrad – il-belt Russa fejn, fl-1942-43, seħħet waħda mill-akbar battalji tat-Tieni Gwerra Dinjija bejn il-qawwiet Sovjetiċi u l-Armati Nażisti ta’ Adolf Hitler.

Fl-istess ħin, l-assedju bil-missili qed ikompli fuq il-kapitali u diversi bliet oħra tal-Ukrajna, bl-awtoritajiet ifittxu għall-vittmi potenzjali tal-aħħar mewġa ta’ bumbardamenti.

L-indikazzjonijiet huma li numru mhux determinat ta’ ċivili tilfu ħajjithom wara li missila tar-Russi laqtet blokk ta’ appartamenti fi Kiev — iżda d-dettalji baqgħu xi ftit konfużi.

Sadanittant, u filwaqt li l-Armati tal-President Russu Vladimir Putin qegħdin javviċinaw iċ-ċentru ta’ Kiev, ir-rappreżentanti ta’ Moska u l-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, issuktaw bit-taħditiet fost tamiet li l-gwerra fl-Ukrajna, li ilha mill-24 ta’ Frar, tasal għal konklużjoni.

Dan waqt li xi rappreżentanti Ukreni dehru fiduċjużi fi progress waqt it-taħditiet u fejn huma insistew għal waqfien mill-ġlied immedjat anki waqt li kompliet ix-xita tal-bombi fuq l-ibliet tal-Ukrajna.