Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Sitwazzjoni ta’ ġenoċidju f’Mariupol

Il-belt ta’ Mariupol, li tinkludi port importanti, għadha ssofri l-bumbardamenti kontinwi fost il-battalji fit-toroq bejn il-qawwiet Russi u s-suldati Ukreni li qed jiddefendu din il-belt bl-għajnuna tar-residenti ċivili. Dan ukoll fost sinjali li żviluppat sitwazzjoni ta’ ġenoċidju f’Mariupol u l-madwar.

Eluf ta’ ċivili ilhom maqbudin f’Mariupol għal kważi ġimgħatejn u meta qed jiċċirkondawhom ir-riġmenti Russi li qegħdin jisparaw kontinwament il-balal u r-rokits li qerdu numru kbir ta’ bini.

Is-sitwazzjoni għar-residenti saret aktar iddisprata minħabba n-nuqqas ta’ ikel, ilma, mediċina u dawl, bil-kriżi umanitarja qed tilħaq livell akut.

Mifhum li f’Mariupol inqatlu (s’issa) ‘il fuq minn 2,500 ċivili u jekk il-belt taqa’ lill-qawwiet Russi, dawn ikunu jistgħu jikkoordinaw aħjar il-movimenti tat-truppi tagħhom fil-Krimea bil-ħsieb li dawn jingħaqdu mal-qawwiet alleati fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna.