Festi Kultura Lokali

Il-PN iressaq aktar proposti intiżi biex jagħtu spinta lid-drawwiet Maltin u Għawdxin

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li d-drawwiet, delizzji, ħiliet u l-artiġjanat, huma kollha parti mill-identità tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi kif ukoll parti integrali mill-prodott turistiku ta’ pajjiżna.

Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista se jwettaq qafas ta’ miżuri li permezz tagħhom tingħata spinta qawwija lill-każini tal-banda, dawk involuti fil-festi, ir-regatta u l-artiġjanat li joħloq u jibni dan il-ġmiel ta’ drawwietna.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius, mid-Deputat Edwin Vassallo u mill-Kandidati Francine Farrugia, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta numru ta’ proposti intiżi biex jgħinu fil-qawmien mill-ġdid ta’ dawn l-organizzazzjonijiet wara l-pandemija tal-covid-19.

Għalhekk ser naraw li:

1. Lill-imħażen tal-armar, każini tal-banda, kmamar tan-nar u klabbs tar-regatta ser tingħata għotja li tvarja bejn €10,000 u €25,000, b’rabta ma’ programm ta’ nfiq intiż biex jagħmel l-għaqda rispettiva aktar sostenibbli, isir xogħol ta’ infrastruttura jew manutenzjoni u b’hekk tkun tista’ ssir aktar effettiva f’ħidmietha fil-komunità. 

2. Intejbu l-qafas leġiżlattiv li jirregola l-ħidma tan-nar wara konsultazzjoni mal-license holders kollha tal-kmamar tan-nar, kemm dawk li huma tal-għaqdiet kif ukoll dawk privati. Bħala parti minn dan l-eżerċizzju tkun diskussa u deċiża r-responsabbiltà li jrid jibqa’ jagħmel tajjeb għaliha l-license holder tal-kamra tan-nar.

3. Wara konsultazzjoni mal-entitajiet kollha konċernati, nirrevedu r-regolamenti dwar il-ġarr tan-nar biex nadottaw mudelli stabbiliti fl-Unjoni Ewropea filwaqt li nirrevedu wkoll il-proċeduri kollha marbuta mal-ħruq tan-nar, inkluż li tkun simplifikata l-proċedura tal-ħruq ta’ nar waqt il-prova. 

4. Il-Gvern jibda jkopri l-ħlas għall-ispiża tal-iskorta tal-Pulizija fejn din tkun meħtieġa.

5. Tal-anqas darbtejn fis-sena jsir festival tal-logħob tan-nar biex iservi ta’ inċentiv għall- kmamar tan-nar filwaqt li ngħinu lill-kmamar tan-nar jesportaw il-logħob tan-nar lejn pajjiżi oħra. 

6. Isiru emendi fil-liġi tal-VAT, biex kmamar tan-nar ikunu jistgħu japplikaw ħalli jieħdu r-refunds tal-VAT fuq l-ispiża li jkunu għamlu filwaqt li f’dawk il-postijiet fejn m’hemmx kmamar tan-nar, ser nagħtu għotja ta’ €3,000 fis-sena biex ngħinu lil dawk l-għaqdiet jorganizzaw il-festi tagħhom.

Għajnuna speċifika għall-imħażen u l-għaqdiet tal-armar tal-festi

Makkinarju, bħal high lifts li jintużaw biss mill-imħażen tal-armar tal-festi, waqt l-armar u żarmar, ikunu eżenti mill-ħlas tal-liċenzja li tinħareġ minn Transport Malta.

7. Is-servizzi kollha li jingħataw minn entitajiet governattivi bħalma huma permessi u servizzi extra tal-Pulizija, LESA, Transport Malta, ARMS u servizzi ta’ fire-engine, eċċ, jingħataw b’xejn.

8. Ikomplu jingħataw il-vouchers għall-iskorti tan-nar u ssir rifużjoni permezz ta’ vouchers jew sistema oħra simili fuq l-ispejjeż tal-insurance li tinħareġ fuq l-armar u n-nar.

9. Biex jittaffa l-piż tal-burokrazija, issir klassifikazzjoni ġdida biex għaqdiet bħalma huma każini tal-baned, tal-kmamar tan-nar, tal-armar tal-festa jew tar-regatta, ikunu klassifikati b’mod li l-obbligazzjonijiet legali ma jkunux daqstant burokratiċi, kif ukoll il-ġbir tal-flus taħt ċertu ammonti jkun simplifikat.

10. Jiddaħħal sussidju fuq kirjiet kummerċjali ezistenti u fuq l-ispiża ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma f’fondijiet li jkunu jintużaw minn dawn l-għaqdiet.

11. Nappoġġaw lil dawn l-għaqdiet biex ikollhom il-post/faċilità tagħhom, permezz ta’ ftehim dwar art/proprjetà tal-Gvern jew b’appoġġ finanzjarju biex jiksbu xi art/binja eżistenti kif ukoll jingħataw għajnuna ta’ finanzjament biex iwettqu rinnovazzjonijiet strutturali fil-proprjetajiet tagħhom.

12. Jiddaħħal obbligu ta’ konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tal-każini tal-banda, tal-imħażen tal-armar tal-festi, mal-license holders tal-kmamar tan-nar, tal-klabbs tar-regatta, fuq materji li jolqtu lil dawn is-setturi. 

13. Il-Pulizija terġa’ tieħu f’idejha x-xogħol ta’ għeluq ta’ toroq u clearances mill-parkeġġ ta’ vetturi fil-ġimgħa tal-festa. 

14. L-ispejjeż ta’ meters tal-elettriku li jkun hemm bżonn jintużaw waqt il-festi ser jibdew jitħallsu minn Heritage Malta.

15. Isir programm ta’ inċentivar biex l-imħażen tal-armar ikunu jistgħu jkopru spejjeż ta’ manutenzjoni tal-imħażen, tal-armar u xi bini ġdid tal-armar li jkun qed jieħu post dak qadim. Isiru wkoll emendi fil-liġi tal-VAT, biex l-għaqdiet ikunu jistgħu japplikaw għar-refund tal-VAT fil-ħlasijiet li jagħmlu fuq dawn l-ispejjeż.

16. Kull sena Heritage Malta torganizza wirjiet speċjalizzati bl-armar tal-festi biex l-armar jiġi apprezzat aktar, filwaqt li flimkien mal-Awtorità tat-Turiżmu jsir reklamar tad-dati tal-festi biex tiġi apprezzata aktar il-kultura.

17. Jerġa’ jibda jopera b’mod effettiv il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat b’waħda mill-funzjonijiet tiegħu tkun inkluża r-reġistrazzjoni tal-artiġjani li jaħdmu fl-arti reliġjuża. Permezz tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, flimkien ma’ Heritage Malta, l-artiġjani jkunu megħjuna biex jaħdmu fi produzzjonijiet li jkunu qed jinħadmu f’Malta, kif ukoll li dawn l-artiġjani jkunu apprezzati għall-ħila tagħhom.

18. Fejn ikun hemm bżonn, u fejn is-sengħa tal-artiġjanat tkun tidher li tista’ tintilef maż-żmien, dawn ser jiġu megħjuna minn Heritage Malta, biex dawn l-artiġjani jgħallmu s-sengħa tagħhom lil min ikun jixtieq jitgħallimha. 

19. Filwaqt li l-organizzazzjoni tar-regatta tibda tkun taħt ir-responsabbiltà konġunta ta’ Heritage Malta, ser noffru appoġġ lill-klabbs tar-regatta biex ikunu jistgħu jħarrġu qaddiefa żgħażagħ kif ukoll biex id-dgħajjes tagħhom jinżammu f’kundizzjoni tajba u jibnu oħrajn ġodda biex jintużaw fir-regatta.

20. Ir-rotot li jintużaw fil-Karnival għandhom jibdew jingħataw kunsiderazzjoni meta jkunu ser isiru proġetti infrastrutturali li jaffetwawhom.

21. Kull parteċipant li jkun rebaħ il-kategorija li jkun ikkompeta fiha, jingħata għotja biex ikun jista’ jieħu sehem f’karnival ta’ pajjiż ieħor sabiex ngħollu dejjem aktar il-livell tal-parteċipanti lokali.

22. Il-premjijiet tal-kategoriji kollha jiżdiedu bi 300% fuq dawk li hemm stabbiliti llum sabiex ikunu qed jirriflettu aħjar l-impenn u l-ħidma ta’ dawk li jipparteċipaw b’tant dedikazzjoni.

23. Il-parteċipanti kollha reġistrati u li josservaw il-kriterji rikjesti, jkunu jistgħu jitolbu rebate fuq il-VAT li jkunu ħallsu għax-xogħolijiet.

24. Tingħata l-importanza neċessarja biex jitwettaq il-proġett tal-Carnival Village sabiex il-parteċipanti jkollhom post adekwat minn fejn joperaw.