Internazzjonali Lokali

“Putin sar theddida għad-dinja kollha” – ġurnalist Ukren jitkellem ma’ Net News

“Il-President Russu Vladimir Putin qed ikompli bl-atroċitajiet tiegħu fuq il-poplu Ukren”.

Hekk stqarr magħna Alexei Tarasov, Editor in Chief ta’ NV Radio ibbażat fl-Ukrajna f’kollegament dirett waqt Net News il-Ħadd filgħaxija.

Tarasov spjega dik li hi s-sitwazzjoni bħalissa f’pajjiżu. Hu qal li l-ibliet ta’ Kharkiv, Chernihiv, Nikolayev u ż-żoni madwar Kyiv jinsabu fil-mira kontinwa tat-truppi tal-Kremlin. Mariupol ilha taħt assedju għal aktar minn għaxart ijiem, bir-residenti kostretti joqgħodu fix-xelters – bla dawl, bla ilma, bla ikel.

F’Mariupol biss kienu kkonfermati 2,187 ċivili maqtula f’dawn l-attakki.

Il-ġurnalist Ukren qal li l-Ħadd stess iċ-Ċentru Internazzjonali għaż-Żamma tal-Paċi u s-Sigirtà f’Lviv kien ibbumbardjat – bumbardament li ħalla 35 persuna mejta u mal-100 persuna midruba.

Il-Ħadd ukoll, suldati Russi, f’attakk kiesaħ u biered sparaw fuq u qatlu lill-ġurnalist rinomat Amerikan Brent Renaud.

Alexei Tarasov qal li ċittadini Ukreni qed jiġu maħtufa, ttorturati,stuprati u maqtula.

Hu saħaq li Putin irid jitwaqqaf għax sar theddida għad-dinja kollha.

Tarasov qal li filwaqt li aktar minn żewġ miljuni ħarbu minn pajjiżu, tista’ tgħid kollha nisa u tfal, l-Ukreni għadhom determinati li jibqgħu jiġġieldu għal pajjiżhom. Hu qal li mhemmx għażla għall-Ukreni. “Jew nirbħu jew immutu”.

Spjega li Putin issottovaluta l-qawwa u d-determinazzjoni tal-poplu Ukren.

Alexei Tarasov qal li bħala ġurnalist hu jħossu aktar minn qatt qabel obbligat li jibqa’ jaħdem u jwassal il-fatti kif qed jiżvolġu, u li jibqa’ dan propju minn ġewwa pajjiżu. “Dan huwa xogħolna”, temm jgħid Tarasov.