Ekonomija Elezzjoni 2022 Lokali

Robert Abela jibża’ jgħid lis-sidien tan-negozji li se jibgħathom jiddejnu

Jaħbi l-proposta li hemm imniżżla fil-Manifest tal-Labour

Il-Mexxej tal-Labour Robert Abela ma’ offra ebda soluzzjoni dwar iż-żieda fil-prezzijiet jew serħan il-moħħ lin-negozjanti waqt li dalgħodu ippartiċipa f’laqgħa organizzata mill-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji.

Huwa saħaq li mal-mument li feġġet din il-kriżi hu wiegħed li se jibqa’ jgħin fejn hemm bżonn. Madanakollu, fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista hu stess wiegħed, iswed fuq l-abjad, li jekk il-Labour jiġi elett fil-Gvern hu se jkun qed jibgħat lill-kumpaniji lokali jiddejnu miegħu. Dan hekk kif il-Gvern se jsellef €800 għal kull ħaddiem għal massimu ta’ 6 xhur, iżda għad-differenza tal-wage supplement, dawn l-eluf iridu jirritornawhom lura lill-Gvern f’temp ta’ 5 snin.

Quddiem sala nies mimlija persuni ġejjin minn oqsma varji tan-negozju, Abela injora għal kollox milli jsemmi din il-wegħda – jiġifieri li se jibgħathom jiddejnu.

Dan minkejja li kemm il-President tal-Kamra tal-SMEs Paul Abela kif ukoll il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber of SMEs Abigail Agius Mamo saħqu li l-ġlied fil-Lvant tal-Ewropa qed joħloq kriżi kbira fuq in-negozji Maltin u Għawdxin, bil-Kap Eżekuttiv tisħaq li kulħadd qed iħabbat wiċċu ma’ żieda sostanzjali fil-prezzijiet u insistew li dan kollu qed ikun ta’ theddida għall-investiment.

Affaċċjat b’dawn l-appelli, Robert Abela – li qed jaspira li jerġa’ jilħaq Prim Ministru – xorta waħda ma offra ebda soluzzjoni tanġibbli sabiex itaffi mill-inkwiet tas-sidien tan-negozji. Dan filwaqt li stqarr li taħtu infetħu niċeċ ekonomiċi ġodda; għalkemm darb’oħra ma semmiex x’niċċa ġdida ħoloq.

Iżda huwa semma x’ħalla warajh Gvern Nazzjonalista 9 snin qabel b’niċeċ sodi u ta’ min jaħdem fuqhom bħal tal-ospitalità u tal-manifattura.

Il-Mexxej tal-Labour kompla billi attakka lis-settur bankarju b’mod mill-aktar aggressiv fejn saħaq li qed jitlef il-paċenzja miegħu.

Dan minħabba burokrazija żejda li ġab b’idejh Gvern tal-Labour minħabba daqqa wara l-oħra fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna billi, kawża ta’ tmexxija ħażina, il-Gvern spiċċa fuq il-greylist tal-FATF. 

Għaldarb’oħra injora dan il-fatt għal kollox, u farfarha fuq il-banek.

Intant Robert Abela ħass il-ħtieġa li jaqa’ għan-narrattiva partiġġjana fejn ftaħar bit-tim ta’ kandidati, minkejja li jinsab miżgħud b’membri tal-Kabinett li matul dawn l-aħħar 5 snin kienu invażati bi skandlu wieħed wara l-ieħor – b’riżenji kontinwi, min minħabba ksur ta’ etika u min minħabba inkompetenza fil-qasam rispettiv li kienu responsabbli minnu.

5 snin ta’ musical chairs, 5 snin fejn fihom l-impunità li nħolqot minn Gvern tal-Labour waslet għal assassinju ta’ ġurnalista, għal daqqa bla ebda preċedent fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, għal direct orders bla rażan, għal qerda ambjentali sfrenata u ċittadini li joqgħodu lura milli jsemmgħu leħinhom minħabba biża’ ta’ xi vendikazzjoni.