Elezzjoni 2022 Lokali

“Iż-żgħażagħ huma l-preżent u fuqkom irridu nibnu s-suċċess ta’ pajjiżna” – Bernard Grech

Waqt li kien qed jindirizza attività politika li saret fil-lokalità tas-Siġġiewi, il-Kap tal-PN qal li llum kellna turija ċara għala Robert Abela ilu jevitah għal dawn ix-xhur kollha.

Huwa qali li Robert Abela jinsab f’kantuniera u qed jipprova jara fuq min se jdur… il-kummenti tal-lum ta’ Robert Abela juru li fil-fatt bagħat drone illegalment fuq id-dar tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jipprova jibni storja mix-xejn.Iż-żewġ każi m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin. Dan għaliex il-każ tal-Kap tal-PM kien f’zona ta’ żvilupp u jinvolvi biss alterazzjonijiet interni u żidiet żgħar.

Iżda l-każ ta’ Robert Abela huwa wieħed f’ODZ… il-permess tiegħu jikser il-policy tal-ODZ li tippermetti biss 200 metru kwadru fi ħdan ODZ, kuntrarjament għat-352 metru kwadru approvati. Agħar minn hekk, biex jiġġustifika l-permess, l-case officer semma t-twaqqigħ ta’ barrakka ta’ 400 miet metru kwadru li kienet ilha li twaqqgħet 20 sena.  Din il-kwistjoni tal-20 sena qatt ma ssemmiet fir-rapport tal-uffiċjal tal-każ u b’hekk qarraq bil-bord qabel id-deċiżjoni tagħhom.

Bernard Grech qal li wara iktar minn tliet ġimgħat, fl-aħħar wasal il-programm elettorali tal-Partit Laburista…. manifest coverversion mimli buzzwords. Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jagħti lura r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u joħloq għaxar setturi ekonomiċi ġodda.

Il-Partit Laburista tant li m’għandux ideat li issa qed jibgħat iċ-ċekkijiet lil kulħadd u wara l-elezzjoni se jispiċċa jdur fuq in-nies u jkompli jisraq lill-poplu.

Bernard Grech qal li f’pajjiż fejn id-distanzi huma qosra, l-ammont ta’ karozzi ġodda fit-toroq tagħna qed jiżdied kuljum u l-użu tat-trasport pubbliku mhuwiex l-għażla naturali ta’ ħafna, għalhekk jeħtieġ li naħsbu f’viżjoni ġdida għat-trasport f’Malta. Huwa qal li għandna nfasslu u nilleġiżlaw master plan infrastrutturali tal-iżvilupp li ma jippermetti l-ebda kompromess mas-sostenibbiltà. Dan għandu jkopri l-iżvilupp tan-networks ewlenin li pajjiżna għandu bżonn ħalli jkun kompetittiv, modern u avvanzat.

Dan kuntrarju għall-Gvern… Gvern li ma għandux pjan… Gvern li sal-lum stess għadu qed jaħbi l-programm elettorali tiegħu. Gvern li l-viżjoni tiegħu wasslitu biss biex iwessa’ t-toroq, jeqred kemm jiflaħ siġar u jagħmel toroq li wara li tlestew bdew jgħerqu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponu l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ Trackless Tram li tagħti l-istess vantaġġi daqs metrò, imma bi frazzjoni tal-ispiża u l-inkonvenjent. Bernard Grech qal li l-Labour qed itukom wegħda li titwettaq tletin sena oħra, il-PN qed jintrabat bi proposta li titwettaq tul leġislatura waħda. Din is-sistema ta’ trasport tal-massa mingħajr binarji hija waħda tal-aħħar teknoloġija. Din tgħaddi minn toroq arterjali u distributorji permezz ta’ korsiji riservati.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar is-settur tas-saħħa hekk kif Gvern Nazzjonalista jrid li jissaħħaħ il-qafas tal-prevenzjoni u l-kura għad-dijabete taħt il-kappa ta’ strateġija nazzjonali kontra l-kundizzjoni, b’enfasi fuq li jkomplu jingħataw il-Continuous Glucose Monitors lill-pazjenti dijabetiċi tat-tip 1 kollha, jingħataw l-istrippi tal-monitoraġġ b’xejn, tingħata assistenza jiddaħħlu aktar mediċini innovattivi u effettivi fil-formularju tal-Gvern li jkunu jistghu jingħataw b’xejn lil pazjenti kif ukoll li jiżdiedu aktar Diabetic Nurses fl-isptarijiet u l-komunita’.

Il-PN se jfassal pjan ta’ azzjoni nazzjonali ta’ kura speċjalizzata u jiftaħ ċentri tas-saħħa speċjalizzati għall-kundizzjonijiet li huma l-kawża ta’ tnaqqir tal-kwalita’ tal-ħajja, mard u mwiet f’pajjiżna: għad-dijabete, għall-mard kardjovaskulari, għall-mard respiratorju u għad-dimensja.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar iż-żgħażagħ fejn fost il-miżuri ewlenin li jolqtuhom direttament hemm li dawk il-familji żgħażagħ li ma jkunux jistgħu jħallsu d-depożitu tal-10%, se jingħataw għajnuna ta’ self mill-Gvern biex dan jagħmluh sa massimu ta’ €20,000, li jitħallas lura fuq perjodu massimu ta’ 30 sena.

Liż-żgħażagħ, taħt l-eta’ ta’ 35 sena, li jkunu qed jixtru għall-ewwel darba, Gvern Nazzjonalista jagħtihom sussidju li jkopri sa 50% tal-imgħax fuq is-self sa €250,000, għall-ewwel ħames snin tas-self.

Bernard Grech qal li apparti dan, Gvern ġdid Nazzjonalista se jiftaħ skola sekondarja speċjalizzata ġdida kull sena biex iżjed tfal u żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-oqsma li jaspiraw li jirnexxu. *ll-PN se jiżgura li l-ewwel speċjalizzazzjonijiet ikunu fit-teknoloġija diġitali, il-metaverse u d-dinja virtwali, fit-teknoloġija tal-manifattura u r-robotika, u fl-arti u l-kultura.

Bil-għan li aktar studenti jibqgħu jitħarrġu f’livelli ogħla, matul din il-leġiżlatura se jiżdied l-iStudents’ Maintenance Grants b’25%. Dan filwaqt li se jiżdiedu b’25% addizzjonali l-istipendju tal-istudenti li jwettqu volontarjat ma’ xi organizzazzjoni volontarja reġistrata, bħala rikonoxximent għall-kontribut tagħhom lis-soċjetà.

Bernrard Grech qal li l-PN se jagħti vawċer ta’ €500 liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena għal ivvjaġġar sportiv jew kulturali, ħalli jwessgħu l-perspettiva sportiva u kulturali tagħhom.

Permezz ta’ skema miftuħa għal artisti żgħazagħ ser tingħata għotja ta’ €3,000 biex ikunu jistgħu jippromwovu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna permezz ta’ xogħol artistiku li jkun espost pubblikament u diġitalment.

Ritratti: Joseph Galea