Lokali

Traffiku enormi t-Tnejn filgħodu; studenti jidħlu l-iskola fl-10am…uħud jitilfu l-ajruplan

Gridlock totali. Traffiku wieqaf kullimkien.

Inċident li seħħ fit-3.30 ta’ dalgħodu iġġammja prattikament pajjiż sħiħ għal sigħat twal. Imwaħħlin ukoll vetturi li jagħtu servizzi essenzjali, bħall-ambulanzi.

Sewwieqa qattgħu ħin twil imwaħħla fit-traffiku f’lokalitajiet differenti ta’ Malta. U bosta kienu dawk li permezz tal-media soċjali u mezzi oħra qalu li l-paroli kollu li sar u l-flus kollha li ntefqu ma swew assolutament għal xejn.

Il-paġna ta’ Facebook Malta Traffic Update irrapurtat is-sitwazzjoni

“It-toroq li wessajna xorta ma ħadmux” “Mal-inqas inċident teħel Malta kollha. Fejnu Ian Borg issa? Kif jista jkun sitt sigħat wara li seħħ inċident, it-toroq kollha għadhom iġġammjati?  Xi ħaġa mhix qed taħdem. Fejnu il-masterplan? Mill-Gudja sa Santa Venera sagħtejn”.

Dawn kienu biss ftit mill-hafna kummenti li ltqajna magħhom.

Il-konġestjoni li nħolqot ħarbtet il-ġurnata ta’ ħafna. Tfal spiċċaw daħlu l-iskola fl-10.00am… eluf waslu sigħat tard għax-xogħol, oħrajn reġgħu lura d-dar  u oħrajn saħansitra spiċċaw tilfu l-ajruplan minħabba t-traffiku li nġema’.

Din is-sitwazzjoni żviluppat wara li fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu seħħ inċident f’Santa Venera… b’karozza titlef il-kontroll, u s-sewwieq żagħżugħ jindarab serjament tant li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Skont stqarrija uffiċjali tal-Pulizija, ir-raġel ta’ 22 sena li huwa minn Naxxar tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u ħabat f’ħajt u fi strutturi fil-ġenb tat-triq.

Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali minn Noel Bartolo filwaqt li l-Pulizija għadha qed tinvestiga.

Kawża tal-inċident, il-bypass ta’ Santa Venera, direzzjoni Msida ingħalqet għat-traffiku għal sigħat sħaħ. Dan ħoloq bottleneck, li kkawża gridlock totali fit-toroq mhux biss taċ-ċentru tal-pajjiż imma saħansitra żoni lil hinn bħall-Gudja, Mosta, Ħ Attard, Ħal Qormi u lokalitajiet ferm aktar bogħod.

Insomma “kollox fuq ir-rubini” ikkummentaw x’uħud. “Jistgħu mhux isiru flyovers f dal-pajjiż, għax inċident u daqsekk iwaħħal Malta sħiħa”. Minkejja li l-Gvern ftit ilu assigurana li pajjiżna mhux se jibqa’ ‘impestat bit-traffiku’. U xi ħadd, f’botta xejn sottilil lejn il-Ministru Ian Borg, fakkarna wkoll, li “basta inawgurajniha ħamsin darba”.

Dawn huma biss ftit mill-kummenti li rajna fuq Facebook.