Il-Mexxej Laburista Robert Abela ħarab milli jwieġeb dwar meta kien maqbul il-prezz ta’ €600,000 għal villa kbira li xtara fiż-Żejun … jekk hux qabel jew wara li din kienet sanzjonata mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Dan hekk kif, f’każ li l-prezz kien maqbul qabel id-deċiżjoni tal-Awtorità li tagħha kien Konsulent Legali, il-valur tal-propjetà kien jogħla aktar.
Minflok ma wieġeb, Robert Abela nfexx jattakka lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech – b’messaġġi qarrieqa – qabel ma ddikjara li hu ma għamel l-ebda talba għal sanzjoni dwar il-villa kbira fiż-Żejtun.
Il-media diġà żvelat li l-proċess ta’ sanzjonar sar mis-sidien oriġinali tal-propjetà, b’din tispiċċa trasferita tliet xhur biss wara l-proċess tal-Awtorità tal-Ippjanar, għalkemm jibqa’ mhux ċar meta ntlaħaq ftehim dwar il-prezz.
Sadanittant, Abela kkonferma li bħala politiku, hu jiltaqa’ ta’ kuljum ma’ negozjanti, fosthom dawk relatati ma’ proġetti kbar ta’ bini u infrastruttura. Dan wara stejjer żvelati fl-aħħar jiem, fid-dawl tal-fatt li l-Labour inqabad li ma ppreżentax ir-rapporti finanzjarji għall-2020 … xi ħaġa li suppost għamel biex ikun jista’ jipparteċipa fl-elezzjoni ġenerali.
Dwar il-wegħda 174 – li biha qed jibgħat lill-ħaddiema u n-negozjanti jiddejnu mill-Gvern stess għal għajnuniet futuri – il-Leader tal-Labour ma ħassux komdu jismagħna naqrawlu kelma b’kelma dak li kiteb hu stess: fejn il-Labour qed jghid li dan il-benefiċċju għandu jitħallas lura fuq medda ta’ ħames snin. Minflok, hu dar għall-kenn mir-reporter tal-media Laburista.
U la ma riedx iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet kollha, NET News ipprova jagħmel aktar domandi lil-Leader Laburista, li qed jagħmel minn kollox biex jaħrab lill-ġurnalisti f’kull okkażjoni possibbli, iżda dan ħarab jiġri lejn il-karozza.
//= $special ?>